DISKORS TA’ L-ONOR. TONIO FENECH, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-FINANZI, FL-INAWGURAZZJONI TAĊ-ĊENSIMENT TAL-POPOLAZZJONI U D-DJAR 2005 – UFFIĊĊJU ĊENTRALI TA’ L-ISTATISTIKA, VALLETTA
Illum qegħdin ninawguraw is-16-il ċensiment minn meta bdew isiru ċ-Ċensimenti tal-popolazzjoni fuq bażi regolari mill-1842 ’l hawn.
Iċ-Ċensiment se jsir f’Novembru ta’ din is-sena. Se jinġabar tagħrif dwar il-qagħda soċjo-ekonomika tal-poplu tagħna u l-qagħda tad-djar Maltin.
Iċ-Ċensiment għandu jservi ta’ kejl uffiċjali tan-numru u l-karatteristiċi tan-nies li jkunu qegħdin jgħixu f’Malta u f’Għawdex f’jum iċ-Ċensiment li huwa s-27 ta’ Novembru 2005. Jingħaddu wkoll id-djar privati. Il-mistoqsijiet huma msejsa fuq diversi suġġetti, inklużi l-eta’, is-sess tal-persuna, l-edukazzjoni, l-impjieg u faċilitajiet fid-dar bħalma huma n-numru ta’ kmamar u kumditajiet oħra.
Iċ-Ċensiment huwa proġett nazzjonali. Għaldaqstant il-Gvern ħass li, bi tħejjija għalih, kellu jikkonsulta wkoll ma’ l-Oppożizzjoni. F’dan ir-rigward, hemm il-ħsieb li jiġi mgħoddi aktar tagħrif lill-Oppożizzjoni u ssir aktar konsultazzjoni dwar dan il-proġett sabiex nassiguraw is-suċċess tiegħu.
Fix-xhur li għaddew, l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika kkonsulta wkoll mal-ministeri, id-dipartimenti u l-entitajiet pubbliċi kollha dwar iċ-Ċensiment. Saret ukoll konsultazzjoni sħiħa ma’ ħafna entitajiet privati u NGOs. Permezz ta’ konsultazzjoni bhal din qegħdin nassiguraw illi nissodisfaw il-ħtiġijiet tal-pajjiż.
Wara li l-Gvern approva t-teħid taċ-Ċensiment, l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika beda l-ħidma tiegħu sabiex jitwettaq dan il-proġett. Diġà sar ħafna xogħol fuq il-metodoloġija u l-infrastruttura meħtieġa għaċ-Ċensiment. Ilum qegħdin ninawguraw ukoll il-website uffiċjali taċ-Ċensiment sabiex jingħata tagħrif b’mod regolari lill-pubbliku dwar iċ-Ċensiment u t-twettiq tiegħu. Qegħdin ninawguraw ukoll il-logo għaċ-Ċensiment kif ukoll il-mużika li sejra tintuża fil-materjal promozzjonali kollu marbut maċ-Ċensiment. Aktar tagħrif f’dan ir-rigward jingħata mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika meta u kif meħtieġ.
It-tagħrif miġbur f’Ċensiment jintuża għal bosta għanijiet, fosthom ghal bosta iniżjattivi tal-gvern u d-diversi entitajiet tiegħu, tal-kunsilli lokali kif ukoll ghall-ippjanar f’diversi oqsma. Għaldaqstant, iċ-Ċensiment huwa meħtieġ għal diversi raġunijiet:
a) Ħuwa mezz kif darba kull għaxar snin nieħdu rendikont tal-popolazzjoni tagħna u niġbru tagħrif iddettaljat dwar il-mod ta’ l-għixien tal-poplu Malti.
b) Jgħinna nibnu profil ta’ l-istokk tad-djar fil-pajjiż u l-istruttura tagħhom.
c) Jgħinna nfasslu strateġiji ekonomiċi u soċjali. Dawn jinkludu:
· L-ippjanar ta’ bliet u rħula - town planning
· L-ippjanar ta’ skejjel, libreriji u ċentri għat-tfal
· L-ippjanar ta’ ċentri tas-saħħa u djar għall-anzjani
· It-tfassil ta’ toroq u rotot tat-trasport pubbliku
Ta’ min jgħid hawn illi s-settur kummerċjali ukoll jagħmel użu mill-informazzjoni taċ-Ċensiment fl-ippjanar ta’ ħwienet, uffiċċji u servizzi ġodda. Għaldaqstant, l-investiment li se jsir f’dan il-proġett estensiv ta’ riċerka għandu jissarraf f’tagħrif aġġornat dwar is-swieq tagħna għall-operaturi ekonomiċi fil-pajjiż.
Fuq kollox, it-tagħrif li jinġabar fiċ-Ċensiment dwar in-nies ta’ dawn il-Ġżejjer u l-kundizzjonijiet ta’ l-għixien tagħhom, iservi bħala bażi għal riċerka sostanzjali f’bosta oqsma.
Iċ-Ċensiment huwa proġett ta’ darba kull għaxar snin u jitlob investiment sostanzjali. Biżżejjed ngħidu li madwar 130,000 familja se jirċievu l-kwestjonarju taċ-Ċensiment u se jintalbu jagħtu t-tagħrif meħtieġ. Dan il-proġett se jitmexxa minn madwar 1,400 persuna. Għaldaqstant inħoss illi jkun f’waqtu li nħeġġeġ il-koperazzjoni ta’ kulħadd sabiex nassiguraw is-suċċess ta’ dan il-proġett.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946