“QEGĦDIN NAGĦTU L-OPPORTUNITA` BIEX TIĠI ŻVILUPPATA MENTALITA` AKTAR IMPRENDITORJALI” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
L-edukazzjoni fl-imprenditorija dejjem kienet parti mill-objettivi ppubblikati fil-Pjan ta’ Ħidma maħruġ mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żghar u s-Self Employed, Edwin Vassallo. Din is-sena saret ħidma siewja anke b’kordinazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, biex dawn l-objettivi jibdew jintlaħqu. Inċentiv ieħor li qed jiġi offrut miż-żewġ Ministeri jikkonsisti f’korsijiet fl-imprenditorija, maħsuba primarjament għal dawk li diġa` jaħdmu bħala self-employed jew li huma sidien ta’ negozji żgħar, iżda huma miftuħa wkoll għal dawk kollha li huma interessati fis-suġġett. Dawn il-korsijiet ġew imħabbra waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet bejn is-Segretarjat għan-Negozji Żghar u s-Self Employed, u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, Dipartiment ta’ l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni Adulta.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “fil-Parlament bħalissa qed tiġi diskussa l-Aġenda ta’ Lisbona. Waħda mill-prijoritajiet ta’ din l-Aġenda hija l-aċċess għall-edukazzjoni anke għal dawk li diġa` jkunu qegħdin jaħdmu f’kull attivita` kummerċjali. L-istess Aġenda titlob li jkun hemm edukazzjoni wkoll għall-imprenditorija (entrepreneurship). Għal dan il-għan, aħna qegħdin naraw li dawk kollha li qegħdin fin-negozju jkollhom din l-opportunita` li jkunu jistgħu jiltaqgħu flimkien u jingħataw taħriġ f’dan is-suġġett. Dawn il-korsijiet għandhom iservu biex dawk kollha li jattendu jitgħallmu ħiliet li jgħinuhom imexxu n-negozju tagħhom ’l quddiem.
Dawn il-korsijiet ser jibdew nhar it-Tnejn 30 ta’ Mejju u ser isiru fuq firxa ta’ ħames ġimgħat, darbtejn fil-ġimgha, fil-Kunsilli Lokali ta’ tliet lokalitajiet differenti, f’Tas-Sliema, f’Raħal Ġdid u fil-Mosta. Il-korsijiet ser isiru bejn is-2.00pm u 4.00pm biex b’hekk dawk kollha li jaħdmu fin-negozju jkunu jistgħu jattendu. “Il-korsijiet qegħdin jiġu organizzati hekk biex jakkomodaw l-akbar numru ta’ nies possibbli. Persuni li jixtiequ jattendu jistgħu jagħżlu l-lokalita` jew id-data li l-aktar taqblilhom. Il-korsijiet ser isiru nhar ta’ Tnejn u nhar t’Erbgħa f’Tas-Sliema u f’Raħal Ġdid, u nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ħamis fil-Mosta. Nixtieq nirringrazzja lil dawn it-tliet Kunsilli għall-koperazzjoni tagħhom.” Is-suġġetti li ser jiġu mgħallma ser jinkludu:
1. L-imprenditur: introduzzjoni u r-rwol ta’ l-intrapriża fil-komunita`. Żvilupp, etika u kummerċ ġust.
2. L-iżvilupp ta’ intrapriża kummerċjali.
3. L-elementi li jagħmlu negozju.
4. Riżorsi umani fin-negozju.
5. Riżorsi finanzjarji fin-negozju. Kordinazzjoni mal-banek.
6. Teknoloġija ta’ l-informatika, ħidma biex jikber in-negozju.
7. Żvilupp ta’ ħiliet u tagħrif.
8. Promozzjoni tan-negozju.
9. Kif tieħu ħsieb il-klijentela tiegħek.
10. Kreattivita`, invenzjoni u innovazzjoni fin-negozju.
Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li “dan huwa l-ewwel eżercizzju li qed isir u skond kif imorru dawn il-korsijiet hemm ħsieb li jerġgħu isiru oħrajn u jiġu wkoll estiżi. Dawn il-korsijiet huma inċentiv ieħor li l-Gvern qiegħed jagħmel għall-iżvilupp ta’ l-imprenditorija. Il-kompetizzjoni trid tiġi affrontata bil-ħsieb, u ma jistax ikun li jibqa’ jkun hawn min jaħseb li n-negozju huwa sengħa li ma għandha bżonn l-ebda abbilita`. Għaldaqstant jiena nħeġġeġ lil dawk kollha li jistgħu biex jattendu dawn il-korsijiet jew jibgħatu s-salespersons tagħhom biex ikunu jistgħu jifhmu aħjar f’hiex tikkonsisti l-attivita` kummerċjali.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946