Left arrow Go Back

“QEGĦDIN NAGĦTU L-OPPORTUNITA` BIEX TIĠI ŻVILUPPATA MENTALITA` AKTAR IMPRENDITORJALI” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO

PR0713
Date Icon 18/05/2005

L-edukazzjoni fl-imprenditorija dejjem kienet parti mill-objettivi ppubblikati fil-Pjan ta’ Ħidma maħruġ mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żghar u s-Self Employed, Edwin Vassallo.  Din is-sena saret ħidma siewja anke b’kordinazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, biex dawn l-objettivi jibdew jintlaħqu.  Inċentiv ieħor li qed jiġi offrut miż-żewġ Ministeri jikkonsisti f’korsijiet fl-imprenditorija, maħsuba primarjament għal dawk li diġa` jaħdmu bħala self-employed jew li huma sidien ta’ negozji żgħar, iżda huma miftuħa wkoll għal dawk kollha li huma interessati fis-suġġett.  Dawn il-korsijiet ġew imħabbra waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet bejn is-Segretarjat għan-Negozji Żghar u s-Self Employed, u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, Dipartiment ta’ l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni Adulta.   

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “fil-Parlament bħalissa qed tiġi diskussa l-Aġenda ta’ Lisbona.  Waħda mill-prijoritajiet ta’ din l-Aġenda hija l-aċċess għall-edukazzjoni anke għal dawk li diġa` jkunu qegħdin jaħdmu f’kull attivita` kummerċjali.  L-istess Aġenda titlob li jkun hemm edukazzjoni wkoll għall-imprenditorija (entrepreneurship).  Għal dan il-għan, aħna qegħdin naraw li dawk kollha li qegħdin fin-negozju jkollhom din l-opportunita` li jkunu jistgħu jiltaqgħu flimkien u jingħataw taħriġ f’dan is-suġġett.  Dawn il-korsijiet għandhom iservu biex dawk kollha li jattendu jitgħallmu ħiliet li jgħinuhom imexxu n-negozju tagħhom ’l quddiem.  

Dawn il-korsijiet ser jibdew nhar it-Tnejn 30 ta’ Mejju u ser isiru fuq firxa ta’ ħames ġimgħat, darbtejn fil-ġimgha, fil-Kunsilli Lokali ta’ tliet lokalitajiet differenti, f’Tas-Sliema, f’Raħal Ġdid u fil-Mosta.  Il-korsijiet ser isiru bejn is-2.00pm u 4.00pm biex b’hekk dawk kollha li jaħdmu fin-negozju jkunu jistgħu jattendu.  “Il-korsijiet qegħdin jiġu organizzati hekk biex jakkomodaw l-akbar numru ta’ nies possibbli.  Persuni li jixtiequ jattendu jistgħu jagħżlu l-lokalita` jew id-data li l-aktar taqblilhom.  Il-korsijiet ser isiru nhar ta’ Tnejn u nhar t’Erbgħa f’Tas-Sliema u f’Raħal Ġdid, u nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ħamis fil-Mosta.  Nixtieq nirringrazzja lil dawn it-tliet Kunsilli għall-koperazzjoni tagħhom.”  Is-suġġetti li ser jiġu mgħallma ser jinkludu:

1.            L-imprenditur:  introduzzjoni u r-rwol ta’ l-intrapriża fil-komunita`.  Żvilupp, etika u kummerċ ġust.

2.            L-iżvilupp ta’ intrapriża kummerċjali.

3.            L-elementi li jagħmlu negozju.

4.            Riżorsi umani fin-negozju.

5.            Riżorsi finanzjarji fin-negozju.  Kordinazzjoni mal-banek.

6.            Teknoloġija ta’ l-informatika, ħidma biex jikber in-negozju.

7.            Żvilupp ta’ ħiliet u tagħrif.

8.            Promozzjoni tan-negozju.

9.            Kif tieħu ħsieb il-klijentela tiegħek.

10.         Kreattivita`, invenzjoni u innovazzjoni fin-negozju.  

Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li “dan huwa l-ewwel eżercizzju li qed isir u skond kif imorru dawn il-korsijiet hemm ħsieb li jerġgħu isiru oħrajn u jiġu wkoll estiżi.  Dawn il-korsijiet huma inċentiv ieħor li l-Gvern qiegħed jagħmel għall-iżvilupp ta’ l-imprenditorija.  Il-kompetizzjoni trid tiġi affrontata bil-ħsieb, u ma jistax ikun li jibqa’ jkun hawn min jaħseb li n-negozju huwa sengħa li ma għandha bżonn l-ebda abbilita`.  Għaldaqstant jiena nħeġġeġ lil dawk kollha li jistgħu biex jattendu dawn il-korsijiet jew jibgħatu s-salespersons tagħhom biex ikunu jistgħu jifhmu aħjar f’hiex tikkonsisti l-attivita` kummerċjali.”

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow