SPORTS DAY GĦALL-ANZJANI
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’, l-Onor. Helen D’Amato, illum qassmet premjijiet lir-rebbieħa waqt Sports Day organizzata għall-anzjani li jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li hawn imxerda madwar Malta. Preżenti għal din l-iSports Day kien hemm ukoll, is-Sinjura Kate Gonzi.
Din l-iSports Day ilha issir għal dawn l-aħħar għaxar snin u qiegħda tkun organizzata miċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tad-Dipartiment ta’ l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’. F’Malta hawn erbatax-il Ċentru ta’ Matul il-Jum, li fihom jattendu 1,300-il anzjan.
Iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum bdew fl-1995 meta nfetħu dawk tal-Ħamrun u ż-Żejtun u l-aħħar wieħed li nfetaħ sena ilu huwa dak ta’ Santa. Venera. Tul dawn l-aħħar għaxar snin dawn iċ-ċentri evolvew minn ċentri soċjali, fejn l-anzjani kienu jiltaqgħu biex jissoċjalizzaw u jgħaddu l-ħin flimkien, għal ċentri fejn l-anzjani jiġu mogħtija fost l-oħrajn anke servizzi ta’ podoloġija, occupational therapy u fiżioterapija. Jiġu organizzati wkoll, attivitajiet edukattivi, rikreattivi u spiritwali fuq bażi regolari skond iż-żmien tas-sena u tradizzjonijiet Maltin.
F’dawn iċ-ċentri l-anzjani jiġu mħeġġa li jaqsmu l-ħiliet tagħhom ma’ anzjani oħra. F’ diversi ċentri jsir xogħol ta’ ganutell, crochet, parċmina, knitting u xogħol ta’ l-idejn ieħor. Attivitajiet oħra organizzati permezz ta’ l-anzjani stess huma t-tagħlim tal-lingwi, kitarra u anke żfin.
F’din l-iSports Day, li ttellgħet fil-Corradino Sports Pavilion, attendew 600-il anzjan, li minnhom 260 ħadu sehem fid-diversi logħob li ġew organizzati. Din is-sena, għall-ewwel darba attendew madwar 400 student minn diversi skejjel, b’etajiet varji biex appoġjaw lill-anzjani tal-belt jew raħal tagħhom. L-għan wara dan hu li nkomplu ninkoraġġixxu r-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet differenti, biex b’hekk inressquhom aktar qrib xulxin.
L-għan ta’ din l-attivita’ hu li l-anzjani jżommu ruħhom attivi, iħossu li huma kapaċi u li għad għandhom posthom fis-Socjeta’, f’oqsma differenti anke fejn jirrigwarda l-isports.
F’kelmtejn li tat l-Onor. D’Amato ferħet lil kull min ipparteċipa u lil kull min għen biex tittella’ din l-attivita’.
Hija fakkret lill-anzjani preżenti dwar l-importanza ta’ l-attivita’ fizika u saħqet li dan għandu jkun proċess kontinwu u mhux ristrett għal xi ġurnata partikolari. L-eżerċizzju, huwa ta’ benefiċċju għal kulħadd. Hija qalet li “l-eżerċizzju regolari jgħin sabiex imbiegħdu l-mard, il-piż żejjed u l-konsegwenzi kollha li dawn iġibu magħhom. Fil-każ ta’ l-anzjani, nistgħu ngħidu, li hemm vantaġġ ieħor – l-eżerċizzju jgħin sabiex l-anzjani jżommu l-mobilita’ tagħhom u għalhekk minbarra li jkunu indipendenti jkollkhom kwalita’ ta’ ħajja aħjar.”
Hija ħeġġet lill-anzjani sabiex isegwu l-parir ta’ l-esperti li jżuruhom u jkellmuhom minn żmien għal żmien fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u fuq kollox biex jimpenjaw ruħhom fi programmi ta’ eżerċizzju adattati għall-bżonnijiet individwali tagħhom.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946