Left arrow Mur Lura

TRIQ ĠDIDA OĦRA BIEX TĦAFFEF IL-VJAĠĠ BEJN IT-TRAMUNTANA U Ċ-ĊENTRU TA’ MALTA

PR0705
Date Icon 17/05/2005

Sa’ l-aħħar tal-ġimgħa ser tinfetaħ għat-traffiku l-Mosta Ring-Road - triq ġdida li ser tħaffef il-vjaġġ bejn it-tramuntana u l-partijiet ċentrali ta’ Malta u mistennija telimina l-parti l-kbira tat-traffiku li bħalissa qed jgħaddi miċ-ċentru tal-Mosta.  

Din it-triq fil-fatt tgħaqqad lil Triq Dawret il-Wied tal-Mosta man-naħa ta’ wara tat-Technopark tal-Mosta u tiżbokka fi Vjal il-Labour fin-Naxxar.  

Fi żjara li għamel dal-għodu fuq il-lant tax-xogħol fil-Mosta Ring-Road, fejn f’dawn il-jiem kienet qed titqiegħed l-aħħar parti tal-wearing course, il-Ministru ghall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li l-Gvern kien qiegħed jinvesti bis-sħiħ biex in-network ta’ toroq jkun jista’ jlaħħaq aħjar mal-livell tat-traffiku f’pajjiżna.  

“Minkejja li bħalissa għaddej l-akbar proġett ta’ titjib ta’ toroq li qatt ra pajjiżna, il-Gvern xorta qed jinvesti f’dan il-qasam mill-budget lokali. L-allokazzjoni għat-toroq mill-fond konsolidat fil-fatt baqgħet ftit jew wisq fl-istess livelli tas-snin ta’ qabel.”  

Il-Ministru qal ukoll li din it-triq ser iġġib titjib fil-kwalità tal-ħajja għal bosta oqsma tal-poplu Malti.  

“Din it-triq, minbarra li tnaqqas l-istennija fit-traffiku għas-sewwieqa f’bottleneck bħall-pjazza tal-Mosta, ser tkun qed tnaqqas l-inkonvenjent għan-nies li joqgħodu fiċ-ċentru tal-Mosta, li dan l-aħħar kien qed jara volumi akbar ta’ traffiku minħabba x-xogħlijiet tal-Ħames Protokoll Taljan f’Tal-Qlejja,” żied jgħid il-Ministru.  

Il-Mosta Ring-Road, b’tul ta’ kważi 1.8 kilometri, inbniet skond l-ogħla standards ta’ kostruzzjoni ta’ toroq. B’kollox tqegħdu mat-13,600 metru kwadru ta’ tarmak. Ix-xogħol fuqha kien jinvolvi l-bini ta’ service ducts għas-servizzi tul il-parti l-kbira minnha taħt iż-żewġ bankini. Inbniet ukoll junction ġdida fejn ir-Ring-Road taqsam Vjal il-21 ta’ Settembru. Barra minnhekk, parti mit-triq li tgħaddi wara it-Technopark tal-Mosta, inbniet fuq barriera antika.  

Fix-xhur li ġejjin ser jinbena ġibjun għall-ilma tax-xita fl-inħawi tat-Technopark biex jilqa’ l-ilma tax-xita li jinġabar bl-istormwater system li nbniet taħt it-triq. Ser tinbena wkoll junction ġdida biex tiffaċilita d-dħul għar-Ring-Road min-naħa pont fuq il-Wied tal-Mosta.  

Is-sena d-dieħla mbgħad, mistenni jibda x-xogħol fuq Triq il-Ħtajriet fil-Mosta - triq li mistennija tisbokka fil-Mosta Ring Road - sabiex b’hekk ikun twettaq għal kollox il-proġett ta’ toroq arterjali u distributorji tal-Gvern għal din in-naħa tal-Mosta.  

Il-Ministru Mugliett qal li l-ftuħ għat-traffiku ta’ parti minn Triq l-Imdina nhar it-Tnejn kien il-bidu ta’ perjodu li matulu ser ikunu qed jinfetħu bosta toroq ġodda – b’uħud minnhom iffinanzjati mill-Ħames Protokoll Taljan u oħrajn finanzjati mill-budget tal-Gvern.  

“Dawn kollha ser ikunu xhieda ta’ l-impenn tal-Gvern biex itejjeb in-network tat-toroq ta’ pajjiżna. Il-poplu dan qiegħed jifhmu. Bi proġetti bħal dawn issa qiegħed anke jmiss b’idejh is-serjetà li l-Gvern qed jimxi biha f’dan il-qasam” temm jgħid il-Ministru Jesmond Mugliett.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow