LEJN ŻONI INDUSTRIJALI AKTAR ORGANIZZATI
Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed bħalissa qed jissokta b’ħidma li ma taqta’ xejn sabiex diversi żoni industrijali jkomplu jkunu aktar organizzati.
“Hemm bżonn li nkompli nibżgħu għas-settur tan-negozji zgħar f’pajjiżna, u għalhekk lesti li nibgħu disponibbli u viċin is-sidien ta’ dawn in-negozji sabiex nifhmu eżattament il-bżonnijiet tagħhom u nkunu nistgħu noffru kull għajnuna fejn meħtiega.” Dan kien il-messagg li l-Onor. Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo wassal lil numru ta’ sidien ta’ negozji waqt żjara li għamel fiż-Żona Industrijali tal-Ħandaq.
Fil-jiem li ghaddew, fuq inizjattiva tas-Segretarjat għan-Negozji Żghar u s-Self Employed, bil-koperazzjoni ta’ ħaddiema mill-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura, twettaq xogħol ta’ tindif fit-toroq taz-Żona Industrijali tal-Ħandaq. Fil-fatt, f’ħidma mifruxa fuq ħamest ijiem tneħħew miż-żoni xejn inqas minn 130 tunnellata ta’ skart. Din il-ħidma kienet ikkonċentrata fuq art u toroq pubbliċi taż-Żona, mingħajr ma ntmessew plots privati li sfortunatament ukoll qed ikunu l-mira ta’ nies irresponsabbli li qed jibdluhom f’miżbliet żgħar li qed jagħtu dehra maħmuġa lill-istess Żona Industrijali.
Kien hemm impenn ukoll sabiex is-Segretarju Parlamentari nnifsu, flimkien ma’ uffiċjali mill-Awtorita għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol, zaru huma stess lil diversi sidien ta’ negozji fiż-żoni industrijali tal-Ħandaq, l-Imrieħel, il-Mosta u Ħaż-Żebbuġ, sabiex wasslulhom il-messaġġ dwar l-importanza ta’ saħħet il-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol.
F’dawn iż-żoni bdew jitwaħħlu wkoll numru ta’ tabelli indikattivi u direzzjonali li jindikaw il-konfini tad-diversi Żoni Industrijali. B’hekk, persuni li jkollhom bżonn jagħmlu użu, jew jirrikjedu xi tip ta’ servizz minn dawn iż-Żoni, ser ikunu jistgħu jsibuha aktar faċli li jagħmlu dan. Barra minn hekk, tabelli bħal dawn ser ikunu qed jagħtu dehra aktar sabiħa u organizzata lil dawn iż-żoni. Is-Segretarjat ħa l-inizjattiva wkoll sabiex ingħataw l-ismijiet tat-toroq fejn kienu neqsin u bħalissa għaddejja ħidma oħra sabiex fil-ġimgħat li ġejjin ikun jista’ jibda proċess ta’ numerazzjoni ta’ kull bieb ta’ negozju li jinstab f’dawn iż-żoni industrijali.
L-organizzazzjoni ta’ dawn iż-żoni industrijali li ma jaqgħux taħt ir-responsabbilta’ tal-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks, ġiet b’riżultat ta’ numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li kontinwament isiru bejn is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo u s-sidien tan-negozji f’dawn iż-żoni. Waqt dawn il-laqgħat ħareġ ukoll l-ilment ta’ bosta sidien dwar in-nuqqas ta’ dawl adegwat fiż-żoni industrijali. Wara din il-konsultazzjoni issa qed tiġi ndirizzata wkoll din il-problema u fil-fatt bħalissa s-Segretarjat jinsab impenjat li jipprepara x-xogħol kollu amministrattiv sabiex, flimkien ma’ l-entitajiet responsabbli, ikun jista’ jingħata bidu għall-proċess biex jiġu stallati numru ta’ bozoz ġodda.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo saħaq fuq l-importanza li ssir konsultazzjoni kontinwa f’dawn iż-żoni biex b’hekk is-sidien tan-negozji jkunu jistgħu jwasslu l-ilmenti taghħhom, u fl-istess ħin il-Gvern iżomm kuntatt dirett man-nies tan-negozju. L-Onor. Vassallo qal li “aħna determinati li nkomplu naħdmu sabiex naraw żoni industrijali bħall-Imrieħel, il-Ħandaq, Ħaż-Żebbug, il-Gudja, u l-Mosta, dejjem aktar organizzati. L-impenn tal-Gvern qiegħed hemm, jonqos biss li kull sid ta’ negozju issa jagħraf juża l-opportunita` li qed tiġi offruta lilu u jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni permezz tal-laqgħat li jiena qiegħed inżomm regolarment.”
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946