TRIQ L-IMDINA TINFETAĦ GĦAT-TRAFFIKU
Illejla, il-poplu Malti ser jibda’ jgawdi l-ewwel frott tal-programm ta’ bini mill-ġdid ta’ 16-il kilometru ta’ toroq arterjali u distributorji bil-fondi tal-Ħames Protokoll Finanzjarju bejn Malta u l-Italja. Fil-fatt, illejla ser jinfetħu għat-traffiku ż-żewġ karreġġjati fil-parti ta’ Triq l-Imdina f’Ħaż-Żebbuġ bejn ir-roundabout junction ma’ Triq is-Siġġiewi u d-daħla ta’ Ħal Qormi.
Ix-xogħol fuq din il-parti tat-triq sar mill-kuntratturi Taljani F.lli Anastasi Snc u s-sub-contractor Malti tagħhom Asfaltar Co. Ltd. li kienu ingħataw kuntratt ta’ xogħol fuq din it-triq u toroq oħra fl-inħawi ta’ Ħal Qormi u Ħal Luqa f’Ġunju tas-sena l-oħra.
L-investiment totali f’din il-fażi tal-proġett mistenni jilħaq it-Lm2.2 miljuni.
Minbarra l-bini tat-triq ewlenija b’tul ta’ 1.3 km, ix-xogħol fl-ewwel tliet fażijiet ta’ Lot 3 kienu jinvolvu anke l-bini ta’ service road ġdida matul il-parti l-kbira tagħha biex taqdi aħjar il-bżonnijiet tal-bosta intrapriżi żgħar li hemm joperaw f’din iż-żona.
F’din il-parti ta’ Triq l-Imdina tqegħdu madwar 33,000 metru kwadru, jew 650 vjaġġ ta’ trakk f’tarmac filwaqt li nbnew 8,000 metru kwadru ta’ bankini u 3,000 metru kwadru ta’ ħitan. Barra minnhekk inbidlu s-servizzi kollha li kien hemm għaddejjin taħt it-triq u dawn issa qed jgħaddu mill-1.4 kilometri ta’ common service ducts ġodda li hemm għaddejjin taħt il-bankini. Fost dawn hemm 2.8 kilometri ta’ cables tad-dawl. Tqegħdu wkoll mat-3 kilometri ta’ mains ta’ l-ilma ġodda, 4.5 kilometri ta’ storm water ducts u twaħħlu 80 arblu tad-dawl ġodda.
Ix-xogħol sar kollu skond l-ogħla standards ta’ kostruzzjoni tat-toroq fl-Ewropa, u dan jinkludi anke l-użu ta’ ‘basalt’ impurtat għall-wearing course, jiġifieri t-tarmac li jitqiegħed fil-wiċċ tat-triq. Dan joffri skid resistance aħjar għal aktar żmien u jnaqqas ir-riskju tal-inċidenti fit-toroq. Barra minnhekk l-użu ta’ dan il-materjal ifisser li l-wiċċ tat-triq ma jkollux bżonn jinbidel qabel 25 sena oħra.
Xogħol ieħor, bħal-landscaping beda xi ġimgħat ilu bit-tqegħid tal-ħamrija u l-istallazjoni ta’ drip irrigation system. Dan ix-xogħol ser jiġi fi tmiemu fil-jiem li ġejjin biex b’hekk din it-triq titlesta għal kollox.
Il-ftuħ ta’ Triq l-Imdina f’Ħaż-Żebbuġ huwa pass ieħor importanti fil-pjan tal-Gvern biex itejjeb il-livell tan-network tat-toroq f’Malta u Għawdex – pjan li ser ikompli jitwettaq bil-ftuħ ta’ aktar toroq fil-jiem li ġejjin.
Għalkemm il-Gvern jifhem li x-xogħlijiet fuq it-toroq jikkawżaw inkonvenjent konsiderevoli lill-pubbliku kulħadd jaf li x-xogħol li għaddej bħal issa qed isir biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti, tikber l-ekonomija Maltija u biex tittejjeb l-esperjenza tas-sewqan f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946