ĠIMGĦA TA’ ATTIVITAJIET GĦALL-PUBBLIKU FL-ISTITUT TA’ L-AGRI KUMMERĊ FL-MCAST
Minn nhar it-Tnejn 16 ta’ Mejju sal-Ġimgħa 20 ta’ Mejju 2005 l-Istitut tal-Agrikummerċ tal-MCAST se jkun miftuħ għal żjarat mill-pubbliku li se jkollu l-opportunita’ li jiltaqa’ ma’ l-istudenti, għalliema u amministrazzjoni ta’ dan l-Istitut u jsir jaf aktar dwar l-iskemi ta’ studju u taħriġ li joffri dan l-Istitut.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea żar l-Istitut u tkellem ma’ l-istudenti u l-għalliema dwar l-oqsma li kienu qed jiffukaw fuqhom. F’diskors li għamel il-Ministru Galea qal li l-istitut ta’ l-Agrikummerċ diġà għadda minn żmien ta’ bidla u irnexxielu jittrasforma ruħu kompletament. Hu qal li l-investiment li sar fl-aħħar sentejn hu ta’ madwar Lm 55,000 f’titjib tal-bini u mmodernizzar tal-faċilitajiet u għamara u tagħmir. Hu tenna li madankollu għad fadal ħafna x’isir biex l-istitut jilħaq il-milja tiegħu kif kien maħsub fil-viżjoni li kellu meta kien qed jifforma l-MCAST ftit snin ilu. Louis Galea qal li l-MCAST diġà qed jiżviluppa bħala t-tieni kolonna tal-qasam ta’ l-edukazzjoni post-sekondarja u edukazzjoni ogħla flimkien ma’ l-Università u dan se jkompli jseħħ fis-snin li ġejjin biex eventwalment anke l-MCAST jibda joffri l-livell ta’ degree.
Louis Galea qal li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qed jaħdem biex joħloq Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla li tkun tista’ toħloq rabta aħjar bejn dawn iż-żewġ kolonni u setturi oħra ta’ l-edukazzjoni u l-industrija filwaqt li tkompli taħdem biex tissalvagwardja u ttejjeb il-kwalita’ ta’ l-edukazzjoni f’dan il-livell. Louis Galea temm jgħid li l-edukazzjoni, bħal oqsma oħra, trid tibda tiżviluppa networks b’saħħithom ma’ oqsma differenti biex ikun hemm użu aħjar tar-riżorsi kif ukoll issir aktar ħidma bejn l-imsieħba fis-settur biex is-servizz li jingħata jkun ta’ kwalita’ ogħla.
L-Istitut ta’ l-Agrikummerċ bħalissa joffri tlett korsijiet matul il-jum sal-livell ta’ Diploma fl-Agrikummerċ li hu kors ta’ sentejn. Fl-istess ħin l-Istitut joffri seba’ korsijiet ta’ filgħaxija. Għas-sena akkademika li jmiss l-Istitut se jkun qed joffri kors tas-City and Guilds fl-Ortikoltura. Kemm ilu li sar parti mill-MCAST dan l-istitut kabbar in-numru ta’ studenti li jattendu fiħ tant li fl-ewwel sena (2003-4) kien hemm 31 student u din is-sena hemm mal-53 student full-time. Hu mistenni li l-ammont ta’ studenti ikompli jiżdied is-sena d-dieħla wkoll.
F’din l-aħħar sena żviluppaw ukoll numru ta’ proġetti ġodda fosthom proġett fuq it-trobbija tan-naħal u l-għasel tagħhom, proġett fuq il-ħwawar, proġett fuq it-trobbija tal-pjanti u l-fjuri, u proġett fuq is-serer. L-Istitut ipparteċipa wkoll f’programmi ta’ skambju ma’ l-NSTS u fi programmi ta’ l-Ewropa Leonardo Da Vinci. L-għalliema fl-istess Istitut kellhom ukoll programm ta’ skambju ma’ Plumpton College fl-Ingilterra. L-Istitut qed joffri wkoll korsijiet qosra għal dawk kollha interessati biex ikunu jafu aktar dwar prattiċi tajba f’dan il-qasam b’mod partikolari fejn jidħlu regolamenti u standards Ewropej.
Kull min hu interessat, b’mod partikolari studenti li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom f’dan il-qasam għadhom jieħdu din l-okkażjoni biex iżuru l-istitut li jinsab Il-ħin tal-ftuh se jkun bejn it-8.00 ta’ filgħodu u l-4.00 ta’ wara nofsinhar u l-pubbliku se jkun jista’ jżur il-wirja ta’ prodotti, għodod, makkinarju u servizzi varji li diversi ditti qiegħdin joffru għas-settur agrikolu.
Jipparteċipaw ukoll f’din l-okkażjoni se jkun hemm għadd ta’ għaqdiet u organizzazzjonijiet volontarji b’mod speċjali dawk assoċjati mal-produzzjoni organika u mal-protezzjoni u konservazzjoni ta’ l-ambjent u tan-natura.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946