TISĦIĦ TAS-SETTUR TURISTIKU
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jirreferi għal kummenti magħmula mill-Membru Parlamentari Laburista, l-Onor Evarist Bartolo u minn Alternattiva Demokratika dwar allegat nuqqas ta’ direzzjoni fis-settur turistiku.
Ċifri ppubblikati mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jindikaw tnaqqis ta’ 6.9 fil-mija fin-numru ta’ persuni li ħallew Malta f’April. Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena ħallew Malta 321,038 persuni, ċifra li hi marġinalment aħjar minn dik ta’ l-istess perijodu s-sena l-oħra. Iż-żmien meta kull sena jiġi ċelebrat l-Għid għandu impatt fuq is-settur turistiku.
Din is-sena l-Għid kien ċelebrat f’Marzu. Dan jispjega ż-żieda ta’ 8.5 fil-mija fin-numru ta’ dawk li ħallew Malta f’Marzu u tnaqqis fix-xahar ta’ April. Iċ-ċifri li joħorġu kull xahar qegħdin hemm biex inkunu nafu kif sejrin fis-swieq turistiċi u nieħdu miżuri biex nirrimedjaw fejn meħtieġ. Biex ikollna stampa aħjar ta’ l-industrja turistika rridu nħarsu lejn ċifri usa .
Il-Kumitat Inter-Ministerjali għat-Turiżmu, li jiltaqa’ taħt ic-chairmanship tal-Prim Ministru, oriġinarjament dan il-kumitat kien maħsub li jiltaqa’ darba fix-xahar, iżda issa qed jiltaqa’ fuq medja ta’ tliet ġimgħat u jrid jirraporta progress dwar deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu. Bħala riżultat ta’ dawn il-laqgħat fix-xhur li ġejjin qed nistennew li jitwettaq programm ta’ manutenzjoni ta’ l-inħawi kollha mill-ajruport sal-belt Valletta . Huma programmati wkoll proġetti ta’ żvilupp fuq l-istess linji ta’ dak għat-tisbiħ tal-bajja ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan. Il-proġett ta’ tisbiħ li jmiss li jitwettaq hu dak ta’ proġett fil-Qawra.
L-eżerċizzju ta’ ristrutturazzjoni fl-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għandu jirrilaxxja fondi li qed jintefqu għall-amministrazzjoni biex ikunu dedikati għal marketing u promozzjoni. Grazzi għall-eżerċizzju tar-ristrutturar is-sena l-oħra l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu iffrankat Lm342,000 fi spejjeż amministrattivi. L-eżerċizzju ta’ ristrutturar qed jimxi kif ippjanat. Bħalissa qed jitwettaq awditjar sħiħ tar-riżorsi umani. Ix-xahar id-dieħel l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu qed tippjana li tibda twettaq eżerċizzju ta’ re-branding għal Malta bħala destinazzjoni ta’ vaganza.
Hu assolutament inkorrett li tallega li hemm nuqqas ta’ direzzjoni fis-settur turistiku. Il-Gvern qed jimmira li jżid in-numru ta’ turisti b’bejn 100,000 u 150,000 sal-2006/7. Biex jikseb dawn ir-riżultati l-Gvern iddeċieda li jindirizza żewġ għanijiet:
Li nżommu s-sehem tas-suq li għandna llum ta’ turisti li jżuru Malta biex igawdu x-xemx u l-baħar u li jibbukjaw ma’ aġenziji turistiċi stabbiliti u operaturi turistiċi speċjalizzati fuq Malta .
Li nużaw aħjar r-riżorsi finanzjarji tagħna u l-isforzi tal-marketing tagħna biex niġbdu aktar turisti fl-oqsma tat-turiżmu kulturali, turiżmu sportiv, turiżmu marbut mat-tagħlim tal-lingwi, turiżmu marbut mal-konferenzi, Għawdex bħala destinazzjoni turistika u niċeċ oħrajn.
Biex jissaħħaħ is-settur turistiku jeħtieġ sforz effettiv u kollettiv. Il-Gvern għandu jkun biss parti minn dan l-isforz. L-istakeholders l-oħrajn għandhom jipparteċipaw biex isaħħu dan il-pilastru importanti ta’ l-ekonomija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946