SFORZI BIEX NATTIRAW TURISTI MINN DIVERSI OQSMA
Meta kien qed jitkellem fil-Laqgha Generali annwali tar-Rent A Car Association, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li r-rabta tiegħu mal-Assocjazzjoni (RACA) kienet tmur lura għal meta kien Ministru responsabbli mit-trasport. Hu qal li issa li l-ministeru li għalih kien responsabbli kien jinkludi t-turiżmu kien jinteressah isegwi kif kienu sejrin l-għaqdiet kollha marbuta ma’ dan il-qasam u l-Għaqda tas-Sidien tal-Karrozzi tal-Kiri ma kienitx eċċezzjoni.
Francis Zammit Dimech qal li l-karrozzi tal-kiri kienu komponent importanti fil-qasam turistiku u kienu jagħtu xogħol lil diversi nies. Hu qal li l-karrozzi tal-kiri liċenzjati kienu jlaħħqu 5,312 f’Marzu ta’ din is-sena u li n-numru tagħhom kien marbut ma’ kif ikun sejjer il-qasam turistiku fil-pajjiż.
Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li kwalunkwe organizazzjoni marbuta mal-qasam turistiku kienet tiddependi għan-negozju tagħha mill-mod kif ikun sejjer dan is-settur. Hu qal li wara li s-sena l-oħra n-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna żdiedu bi 3.5 fil-mija u d-dħul kiber bi 3 fil-mija, fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena kellna żieda fin-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna ta’ 1.5 fil-mija u żieda fid-dħul ta’ 0.4 fil-mija. Hu qal li fl-ewwel kwart tas-sena kien hemm żidiet fin-numru ta’ turisti li żaruna mill-Awstrja, Belġju, Danimarka, Svezja u r-Renju Unit filwaqt li kien hemm tnaqqis minn Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Norveġja, l-Isvizzera u r-Russja. Hu qal li kien importanti li nkunu nafu b’mod ċar x’iwassal għal tnaqqis minn ċerti destinazzjonijiet biex hekk inkunu nistgħu nieħdu rimedji.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-settur turistiku kien min-naħa jiddependi mil-lukandi u ristoranti, iżda min-naħa l-oħra kien jiddependi wkoll mill-aġenti ta’ l-ivjaġġar, operaturi tal-linji ta’ l-ajru u l-ajruport, operaturi ta’ mezzi ta’ transport fosthom dawk tal-kiri ta’ karrozzi u tant negozji oħrajn. Hu qal li l-fatt li l-investiment f’dan is-settur għadu għaddej u b’mod qawwi hu indikazzjoni ta’ fiduċja f’dan il-qasam. Francis Zammit Dimech fakkar li matul din is-sena se jinfetħu ħames lukandi ġodda b’investiment ta’ Lm39 miljun. Hu qal li fl-istess waqt kien hemm diversi proġetti oħra ta’ estensjonijiet ta’ lukandi filwaqt li kien hemm ukoll proġetti kbar marbuta mal-qasam turistiku. Il-proġetti kollha turistiċi bejniethom kienu jinvolvu investiment globali ta’ madwar Lm180 miljun.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien ta’ sodisfazzjon li s-settur turistiku f’pajjiżna matul is-sena li għaddiet kiber aktar milli kiber dak tal-kompetituri tagħna fl-Ewropa tan-Nofsinhar u l-Ewropa Mediterranja. Kiber anke aktar minn dak tal-konkorrenti tagħna f’Ċipru, il-Canary Islands, Mallorca u Costa del Sol. Hu qal li dan kien konfermat sew minn ċifri ppubblikati mill-World Tourism Organisation kif ukoll minn stħarriġ li l-kumpannija Deloitte għamlet għall-MHRA dwar l-‘occupancy’ fil-lukandi.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li minn stħarriġ magħmul mill-World Travel & Tourism Council jirriżulta li matul din is-sena t-Turiżmu u l-Ivjaġġar fl-Unjoni Ewropea – żewġ setturi marbutin flimkien – se jiġġeneraw 1,705.4 biljun Ewro ta’ attivita’ ekonomika, domanda li mistennija tikber b’4.1 fil-mija din is-sena u li tkomlpli tikber bl-istess rata bejn l-2006 u l-2015. Id-domanda turistika fl-Unjoni Ewropea tirrapreżenta 36.6 fil-mija tad-domanda kollha fid-dinja.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li s-settur tat-turiżmu u transport fl-Unjoni Ewropea din is-sena kien previst li jkabbar l-impjiegi bi 2 fil-mija, il-Prodott Gross Domestiku b’4 fil-mija, l-‘esportazzjoni’ b’6 fil-mija u l-investiment kapitali bi 3.4 fil-mija. Dan għandu jwassal biex it-turiżmu u l-ivjaġġar fl-Unjoni Ewropea jirrapreżenta 12.1 fil-mija ta’ l-impjiegi kollha fl-UE, 11.5 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku, 13.1 fil-mija ta’ l-esportazzjoni u 8.8 fil-mija ta’ l-investiment kapitali. Hu qal li dawn iċ-ċifri għandhom jservuna ta’ kejl biex naraw mhux biss il-kobor ta’ dan is-settur fl-Unjoni Ewropea li tagħha illum nagħmlu parti iżda anke biex inkejjlu l-iżvilupp tagħna f’dan il-qasam ma’ dak ta’ l-istess Unjoni.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li biex niksbu l-miri mħabbra fil-budget ta’ din is-sena, jiġifieri żieda ta’ bejn 100,000 u 150,000 turist sal-2006-2007, jew aħjar żieda ta’ 50,000 turist fis-sena ridna li jkollna Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu mitfugħa aktar lejn marketing u promozzjoni. Hu qal li fir-riorganizazzjoni li qed titwettaq bħalissa fl-MTA qed isir dak kollu possibbli biex titnaqqas in-nefqa minn spejjeż amministrattivi u hekk jiġu rilaxxjati fondi għall-marketing u promozzjoni.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li biex inkunu pass ’il quddiem mal-konkorrenti tagħna l-MTA qed tippjana li f’Ġunju tibda eżerċizzju ta’ ‘re-branding’ ta’ Malta bħala destinazzjoni għal vaganzi. Hu qal li s’issa qegħdin nirreklamaw lil Malta b’mod differenti f’pajjizi differenti. Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan ma kienx jagħmel sens u għalhekk kien meħtieġ li jsir dan l-eżerċizzju ta’ re-branding. Hu qal li anke dan kien jinkwadra fil-miri tal-budget li nużaw aħjar ir-riżorsi finanzjarji tagħna u l-isforzi tal-marketing tagħna biex niġbdu aktar turisti fl-oqsma tat-turiżmu kulturali, turiżmu sportiv, turiżmu marbut mat-tagħlim tal-lingwi, turiżmu marbut mal-konferenzi, Għawdex bħala destinazzoni turistika u niċeċ oħra.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kulħadd ried jagħti s-sehem tiegħu biex s-settur turistiku f’pajjiżna jikber. Hu qal li pajjiżna ma setax ikompli jkabbar in-numru ta’ turisti li jżuruna għal dejjem. Hu qal li kien hemm limitu dettat mill-kobor ta’ pajjiżna u minn kemm tiflaħ l-infrastruttura. Hu qal li dan kien iwassalna biex naħdmu biex nattiraw lejn pajjiżna aktar turisti marbuta ma’ oqsma partikolari. Hu qal li hekk per eżempju t-turisti li jiġu għall-konferenzi jonfqu t-tripplu tat-turisti l-oħra u dan għandna ninkoraġġuh.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-lukandieri dan diġa bdew jifhmuħ tant li qegħdin jaqilbu minn lukandi fil-kategoriji two u three star għal four u five star. Qegħdin ukoll ikabbru lukandi eżistenti bl-iskop li jnaqqsu l-ispejjeż biex imexxuhom.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li bil-kompetizzjoni li għandna madwarna rridu bilfors nnaqsu l-ispejjeż biex lit-turist nagħtuh valur għall-flus li jonfoq. Hu qal li kien ta’ pjaċir għalih jinnota li fil-kiri ta’ karrozzi Malta kienet fost l-orħos pajjiżi. Fl-istess waqt il-Ministru Zammit Dimech qal li kien hemm wisq oqsma fejn is-servizzi mogħtija f’pajjiżna kienu għola minn dawk tal-pajjiżi li nikkompetu magħhom. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura appella lil dawk kollha marbuta mas-settur turistiku biex jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex inżommu lil pajjiżna kompetittiv billi nagħtu lit-turist valur tal-flus li jonfoq. Hu qal li b’hekk biss stajna inkabbru dan is-settur li kien mutur mill-aktar importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946