WIRJA ARTISTIKA MINN ANTOINE PAUL CAMILLERI
Antoine Paul Camilleri hu wieħed mill-artisti Maltin li nistgħu nqisuhom bħala ulied l-arti peress li missieru hu l-artist famuż Antoine Camilleri li beda jiggwidaħ fl-arti sa minn eta’ żgħira. Antoine Paul Camilleri kien jgħin lill-missieru fid-diversi xogħlijiet artistiċi tiegħu.
Antoine beda jimmodella wkoll fit-tafal filwaqt li ngħata l-ewwel lezzjonijiet fiċ-ċeramika minn Gabriel Caruana. Antoine pinġa bil-pinna u l-watercolour xeni differenti tal-belt Valletta . L-arti tiegħu hi ukoll ispirata minn movimenti sportivi. Antoine Paul Camilleri ġie kummissjoat mill-komunita’ ta’ Pembroke biex jaħdem statwa ta’ Kristu Rxoxt u biex jagħmel il-Via Sagra għall-Kappella ta’ l-Ajruport.
Antoine Paul Camilleri ilu jtella’ wirjiet tax-xogħlijiet tiegħu fit-terracotta, bil-watercolours, akrilika, pen drawings u cold cast bronze sa mill-1988. Issa dan l-artist qed itella’ wirja ta’ pittura bil-watercolours u skultura fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti fil-belt Valletta . Din il-wirja, intitolata “Night Scenes”, tirrifletti l-ħidma li l-artist jagħmel fl-istudio tiegħu matul il-lejl meta uliedu jkunu marru jorqdu.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech illum inawgura x-xogħlijiet ta’ Antoine Paul Camilleri. Il-Ministru Zammit Dimech feraħ lil Antoine għax-xogħlijiet tiegħu li kienu jagħtu kontribut importanti għat-tixrid ta’ l-arti viżiva f’pajjiżna. “Pajjiżna hu xxurtjat li fl-imgħoddi qarib kellu artisti kbar bħal Antoine Camilleri li għaddew l-imħabba u t-talenti artistiċi tagħhom lill-uliedhom. Antoine Paul jaqa’ f’din il-kategorija ta’ artisti li wara li fi tfulithom daqu s-sabiħ ta’ l-arti żviluppaw kunċetti artistiċi ġodda li tawhom identita’,” qal il-Ministru Francis Zammit Dimech li żied li l-arti f’pajjiżna bħalissa qed tieħu spinta qawwija ’l quddiem xprunata miż-żminijiet interessanti li pajjiżna għaddej minnhom fil-preżent.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946