DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI FIL-FTUĦ TAL-FORUM: ’IR-RABTA BEJN L-ISKOLA U L-FAMILJA’ FL-OKKAŻJONI TAL-JUM INTERNAZZJONALI TAL-FAMILJI 2005 - ST. VENERA
Jum il-Familja 2005
Għaddiet sena oħra, u f’dawn il-ġranet, flimkien mal-komunità internazzjonali, qed nerġgħu nfakkru l-Jum Internazzjonali tal-Familji. Dan il-jum, li jiġi osservat fil-15 ta’ Mejju ta’ kull sena, ġie mwaqqaf mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1993. Dan l-avveniment annwali jirrifletti l-importanza li l-Komunità Internazzjonali tagħti lill-familja bħala l-bażi tas-soċjetà. Dan il-jum għandu jservi bħala opportunità sabiex inżidu l-għarfien dwar oqsma importanti għall-ħajja familjari. Din il-ġurnata għandha sservi sabiex nagħmlu rendikont ta’ dak li qed isir u nieħdu l-azzjoni mehtiega sabiex natwaw dak li nkunu għarafna bħala prijorità għall-familji tagħna.
Bħal dan iż-żmien, erba’ snin ilu, twaqqfet il-Kummissjoni Nazzjonali Familja. Kif kelli l-okkażjoni li ngħid drabi oħra, jien napprezza ferm ix-xogħol ta’ din il-Kummissjoni. Kif imsemmi fit-terms of reference, wieħed mir-rwoli importanti tal-Kummissjoni hu dak li tagħti pariri lill-Gvern dwar il-familja u li tipproponi miżuri li jsaħħu l-familja. Tul din l-aħħar sena l-Kummissjoni ħadmet fuq diversi proġetti ta’ riċerka, fosthom dak dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali, dak dwar is-saħħa mentali u l-effett ta’ dan fuq il-familja, u qed tħejji proposti dwar il-qasam fiskali u ekonomiku u l-familja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tat is-sehem tagħha f’oqsma importanti bħal ma’ huma l-oqsma tal-bioteknoloġija u l-familja, u l-Liġi dwar il-Vjolenza Domestika. Proġett li nixtieq li l-Kummissjoni tkompli taħdem fuqu din is-sena huwa t-tfassil ta’ politika nazzjonali dwar il-familja. Din il-politika se tgħin biex tagħti direzzjoni għal inizjattivi u servizzi li l-familja jkollha bżonn skond il-ħtigijiet ta’ llum. Politika tal-familja għandha tkun il-mezz sabiex flimkien nieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex insaħħu l-familja. Naf li qed jittieħdu diversi inizjattivi f’dan ir-rigward u l-attivita` tal-lum tista’ sservi ukoll bħala eżerċizzju li minnu jinstiltu proposti konkreti għal din il-politika.
L-iskola u l-familja huma żewġt ambjenti importanti ferm fil-ħajja tat-tfal u l-adoloxxenti. Nafu li t-tfal jissoċjalizzaw primarjament fi ħdan il-familja u l-iskola, u li ħafna mill-valuri li jħaddnu tul ħajjithom huma frott ta’ l-esperjenzi tagħhom f’dan l-ambjent. Huwa ta’ sodisfazzjon għalija, kemm bħala Ministru, kif ukoll bħala omm u ex-għalliema, li llum ser nitkellmu dwar din ir-rabta, flimkien ma’ l-esperti kollha f’dan il-qasam: it-tfal infushom, il-ġenituri, l-edukaturi u nies oħra li jaħdmu fl-oqsma relatati.
It-temi identifikati mill-Kummissjoni Nazzjonali Familja u li ser jiġu trattati waqt il-forum huma:
l-edukazzjoni fl-iskola dwar il-ħajja fil-familja;
l-iskola u l-inklużjoni;
u l-iskola bħala ċentru fil-komunità.
L-iskejjel għandhom sehem importanti f’dik li hi l-edukazzjoni ta’ l-istudenti dwar il-ħajja fil-familja. Din l-edukazzjoni tista’ tinkludi, fost oħrajn, għarfien dwar kif il-familja tiffunzjona, ir-relazzjoni bejn l-familja u s-soċjetà, l-iżvilupp tal-bniedem tul il-ħajja, l-aspetti fiżjoloġiċi u psikoloġiċi tas-sesswalità, l-impatt finanzjarju, u l-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, skola u familja.
Riċerka li saret f’dan il-qasam turi li l-involviment tal-ġenituri fl-edukazzjoni jista’ jghin sabiex l-istudenti jmorru aħjar kemm fl-iskola kif ukoll fil-ħajja familjari, biex il-ġenituri jkunu iktar “empowered” u biex il-moral ta’ l-għalliema jitjieb.
Madankollu, nafu wkoll li fil-prattika mhux dejjem ikun faċli li dawn il-kunċetti jitħaddmu, u li wieħed irid jistudja l-kultura lokali qabel jimplimenta mudelli mibnija fuq esperjenzi mhux Maltin.
Fuq nota prattika u pożittiva nafu li kemm l-esperjenza tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (l-FES) u ta’ Smartkids fil-Kottonera, li t-tnejn jinvolvu il-ġenituri fl-edukazzjoni ta’ uliedhom, qed jħallu l-frott mixtieq u nistgħu nitgħallmu ferm minnhom.
Ir-rwol tal-ġenituri fl-edukazzjoni ta’ wliedhom mhuwiex biss direttament akkademiku iżda wkoll dak formattiv. Il-ġenituri jistgħu jgħinu ħafna biex inisslu x-xewqa għat-tagħlim f’uliedhom u biex irawmu fihom valuri ta’ rispett, kuxjenza soċjali u mħabba għax-xogħol.
Aspett ieħor li rridu nżommu quddiem għajnejna hu li l-iskola u l-familji ma jeżistux f’vakum. Ma nistgħux niżolaw dawn iż-żewġ ambjenti mill-kuntest soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna. Malta bħala parti minn dinja globalizzata trid tiffaċċja l-isfidi tal-kompetizzjoni internazzjonali. Pajjiżna, anke fil-kuntest ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona ta’ l-Unjoni Ewropea, irid ikattar il-ġid, joħloq ix-xogħol u jilqa’ l-isfidi li kull pajjiż ċivilizzat irid jaffronta. Il-fatt li pajjiżna jimxi ’l quddiem ma jkunx biss ta’ ġid għall-ekonomija tal-pajjiż – jew sabiex nilħqu xi miri ekonomiċi u fiskali – iżda fl-aħħar mill-aħħar huma l-familji tagħna li jgawdu minn dan il-ġid komuni. Nafu li l-akbar riżorsa li għandu pajjiżna huwa n-nies. Għalhekk huwa ferm importanti li kemm l-iskejjel u anke l-familji tagħna jħarsu lil hinn mir-realtà tagħhom infushom biss u jqisu wkoll ir-realtajiet soċjali filwaqt li jirrispondu b’impenn għalihom.
Bħala Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, ix-xewqa tiegħi hi li flimkien mal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi, mal-ġenituri, it-tfal u dawk kollha kkonċernati, inkomplu nibnu fuq il-passi importanti li diġà wettaqna kemm fil-kamp tal-familja kif ukoll f’dak ta’ l-edukazzjoni. F’dan ir-rigward nista’ nsemmi l-inizjattiva meħuda mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi dwar il-vocational guidance fl-iskejjel.
Nistgħu nkomplu naħdmu sabiex l-bibien ta’ l-iskejjel tagħna, kemm ta’ l-Istat, tal-privat u tal-Knisja jkunu aktar miftuħa għall-komunità; biex l-iskola u l-familja jirrispondu għall-ħtigijiet ta’ xulxin u biex l-istudenti tagħna nrawmuhom aktar fil-valuri li jgħożżu ‘l-familja. Tajjeb ukoll li ngħallmu lit-tfal dwar l-isbuħija tad-diversità u nrawmu fihom r-rispett għal dak li hu differenti minnhom fil-komunità ta’ madwarhom, kemm f’dik li hi kulur tal-ġilda, abiltà fiżika jew intelletwali, kif ukoll livell t’għijxien. L-iskejjel jistgħu jkunu wkoll mezz importanti sabiex jintlaħaq bilanċ san bejn id-dinja tax-xogħol tal-genituri, l-interess tat-tfal u l-ħajja familjari.
Irridu nkomplu nagħtu wkoll l-ħiliet neċessarji sabiex il-familji vulnerabbli ma jibqgħux lura. Irridu ntuhom l-għodda meħtieġa sabiex itejbu l-livell tal-ħajja tagħhom u ta’ uliedhom.
Il-Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali u l-Pjan Nazzjonali dwar l-Impiegi, it-tnejn issemmu bħala waħda mill-prijotiajiet, miżuri biex jiġu miġġielda l-illiteriżmu u nuqqas ta’ ħiliet, partikolarment fost dawk l-aktar li qegħdin fir-riskju tal-faqar, bħal persuni b’diżabilità, in-nisa, ġenituri waħidhom, żgħażagħ li m’għandomx kwalifiki, u persuni ta’ ċerta età.
Il-familji tagħna wkoll għandhom responsabbiltà f’dan is-sens. Il-ġenituri għandhom jassiguraw li uliedhom jattendu l-iskola regolarment, iħajrhom ikomplu jistudjaw f’livell post-sekondarju, jagħrfu x’inhuma l-ħiliet tagħhom u jgħinuhom jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Dan għandu jservi biex uliedhom, fil-futur, ikollhom livell ta’ għixien għoli, b’impjieg tajjeb u b’hekk jippartecipaw fil-progress tas-socjetà.
Filwaqt li nirringrazzjakom ta’ l-impenn tagħkom, nawguralkom il-ħidma t-tajba.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946