Left arrow Mur Lura

SKOLA MILL-ISBAĦ F -IMĠARR - LM700,000 INVESTIMENT GĦALL-ĠID TAT-TFAL U L-KOMUNITÀ

PR0682
Date Icon 13/05/2005

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea inawgura l-proġett ta’ tkabbir, immodernizzar, u sala ġdida ta’ l-iskola primarja fl-Imġarr ( Malta ) li tlesta b’investiment ta’ qrib Lm 700,000.  Il-proġett fisser li l-iskola irduppjat id-daqs tagħha, għandha sala ġdida għall-komunità mgħammra b’faċilitajiet u apparat modern, b’numru ta’ klassijiet u kmamar speċjali, b’faċilitajiet rikreattivi ġodda, u aċċessibilita’ madwar l-iskola kollha. Dan ix-xogħol sar taħt id-direzzjoni tat-Taqsima Teknika tad-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni.  

Il-proġett beda jinħass il-bżonn tiegħu għaxar snin ilu minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni f’din il-lokalità.  F’dak iż-żmien il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Michael Falzon ikkummissjona studju biex jiġi stabbilit kif setgħet titkabbar l-iskola. L-istudju stabbilixxa li l-iskola kellha bżonn sittax-il klassi ġdida, sala għall-komunità, librerija, uffiċini, kmamar anċillari, żona rikreattiva b’tagħmir modern, lift għall-aċċessibilità, u sub-station biex il-provvista ta’ l-elettriku tkun adegwata.  Wara li ġiet espropriata art u saru l-permessi meħtieġa beda l-proġett biex l-iskola jkollha l-faċilitajiet kollha li hemm bżonn.  

Waqt li kienu qed isiru ix-xogħlijiet l-iskola baqgħet topera b’mod normali u bil-ko-operazzjoni tal-Kappillan tal-lokal, it-tfal tal-kindergarten kienu qed jattendu fl-Oratorju Qalb ta’ Marija.  

L-istorja ta’ din l-iskola tmur lura aktar minn 80 sena ilu meta nbniet u kienet inawgurata fl-1923 mill-Gvernatur ta’ Malta Lord Palmer.  Dan seħħ wara li l-Viċi Kappillan Rev. Edgar Salmon kien ħadem ħafna biex l-Imġarr ikollu istituzzjoni edukattiva fil-qalba tar-raħal għall-edukazzjoni ta’ l-Imġarrin.  Għal ħafna snin l-skola nqdiet bil-klassijiet oriġinali li jinsabu mal-faċċata l-antika ta’ l-iskola u li issa bdew iservu bħala uffiċini għall-amministrazzjoni ta’ l-iskola u librerija.  Wara t-tieni gwerra żdiedu numru ta’ klassijiet oħra.  L-iskola ta’ l-Imġarr għandha popolazzjoni ta’ aktar minn 300 tifel u tifla li jattendu fil-klassijiet tal-Kindergarten u l-Primarja sas-sitt sena.  

Permezz ta’ dan il-proġett l-iskola kollha ġiet trasformata għal “Skola ta’ Għada” b’ambjent mill-aqwa li jħeġġeġ it-tagħlim.  It-tfal għandhom spazji ġodda ta’ tagħlim, imdawwla u komdi, kif ukoll postijiet għal sports u attività fiżika.  Ix-xogħol jinkludi wkoll madum, elettriku, aperturi, għamara u faċilitajiet sanitarji ġodda. L-iskola hi msemmija għal Ġanni A. Cilia li kien surmast ta’ l-istess skola għal numru kbir ta’ snin.  

Il-Ministru Louis Galea fid-diskors tiegħu rringrazzja lil dawk kollha li wettqu l-proġett, speċjalment l-uffiċjali tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni kif ukoll lill-Knisja tal-lokal li kkollaborat ma’ l-iskola sakemm tlesta x-xogħol.  Huwa rringrazzja wkoll lill-Kapijiet ta’ l-iskola li segwew il-proġett kif ukoll lill-għalliema għall-ħidma tagħhom ta’ tagħlim ma’ ulied il-poplu ta’ dan ir-raħal.  “Għalkemm l-ambjent ta’ l-iskola hu biss element wieħed minn ħafna biex skola tkun tajba, hu element mill-aktar importanti. Dan għandu jwassal biex kulħadd, għalliema, studenti u ġenituri jħossuhom kburin bl-iskola tagħhom u biex is-snin li jqattgħu fl-iskola ikunu snin ta’ ferħ u esperjenzi sbieħ ta’ tagħlim.”  

Il-Ministru Galea qal li l-Gvern qed iwettaq l-akbar investiment fl-iskejjel tiegħu li qatt sar fl-istorja ta’ l-edukazzjoni f’Malta. Il-mira tal-Gvern hi li fis-snin li ġejjin l-iskejjel kollha tal-Gvern f’Malta u Għawdex  ikunu skejjel sbieħ, moderni u ta’ kwalità. Permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) il-Gvern bħalissa ghaddej b’ħafna xogħol fuq bini u estensjonijiet ta’ skejjel.  

“Fl-istess ħin li l-Gvern qed jaħdem fuq l-ambjent fiżiku ta’ l-iskejjel, qed naħdmu wkoll biex nieħdu aktar miżuri ħalli nsaħħu l-kwalità u r-riżultati tat-tagħlim li jsir fil-klassi.  Irridu li t-tfal tagħna kollha jiksbu bażi b’saħħitha ta’ edukazzjoni ta’ kwalità li fuqha jibnu l-ħajja tax-xogħol u tat-tagħlim kontinwu.  Hu għalhekk li qed naħdmu biex flimkien nieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex nassiguraw li s-sistema ta’ l-edukazzjoni f’Malta, mill-età bikrija sa l-anzjanità, tkun l-aqwa possibbli għax b’hekk biss il-poplu Malti u Għawdxi jkun jista` jaħtaf l-opportunitajiet tad-dinja tax-xogħol tal-lum u jistgħana għal-lum u għal ġenerazzjonijiet li ġejjin.”    

Għall-inawgurazzjoni li ghaliha kienu prezenti l-istudenti ta’ l-iskola u l-ġenituri tagħhom, Kapijiet ta’ l-iskejjel li jinsabu viċin din l-iskola, is-Sindku ta’ l-Imġarr, is-Sur Paul Vella u membri tal-Kunsill Lokali, sar programm ta’ mużika, qari u drama fis-sala l-ġdida.  Saru wkoll diskorsi mid-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni Dr. Cecilia Borg li qalet li “rajt l-iskola tinbidel b’interess qawwi tal-komunità”, l-Kap ta’ l-Iskola Primarja ta’ l-Imġarr is-Sur Noel Calleja li qal li fl-iskola ta’ l-Imġarr saret qabza kbira fil-kwalità u li jħoss li l-iskola tista’ tagħti servizz aħjar u mill-president tal-kunsill skolastiku s-Sur Edgar Sammut li qal li “illum l-Imġarr jista’ bla dubju jiftaħar li għandu monument li mhux biss jagħmel ġieħ lil dan ir-raħal żgħir iżda jservi bħala xempju għall-iskejjel ta’ l-Istat.” Il-Kappillan ta’ l-Imġarr Dun Joe Fsadni bierek il-proġett.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow