TIFTAĦ IL-FIERA TAX-XORB U L-IKEL
Fit-Trade Fair grounds tan-Naxxar, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea inawgura l-fiera ta’ l-ikel u x-xorb li fil-jiem li ġejjin mistennija tiġbed lejha mat-23,000 ruħ. Il-fiera tinkludi mas-57 esibitur mifruxin fuq seba’ swali. Il-fiera tinkludi wkoll esibizzjoni artistika ta’ Joe Barbara.
Meta kien qed jitkellem fil-ftuħ tal-fiera, il-Ministru Louis Galea qal li l-industrija ta’ l-ikel u x-xorb hi industrija vibranti li probabilment hi l-aktar importanti kemm għax tipprovdi għall-ħtiġijiet essenzjali kif ukoll ta’ divertiment tal-Maltin; trid ukoll tipprovdi prodott ta’ l-għola kwalita’ għas-settur turistiku. Louis Galea qal li dan is-settur diġà jimpjega madwar 11,000 impjegat (8% tal-ħaddiema maltin) fis-setturi tas-sajd, biedja, lukandi u stabbilimenti ta’ l-ikel u x-xorb (NSO 35/2005).
Louis Galea qal li anke f’dan is-settur, l-edukazzjoni għandha rwol importanti u dan biex tħarreġ il-mijiet ta’ persuni li hemm bżonn biex is-settur ikun jista’ joffri servizz ta’ kwalita’. Il-Ministru qal li f’dawn l-aħħar snin l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi ( Institute of Tourism Studies – ITS) kien qed iħarreġ mas-700 student f’diversi korsijiet li jiffri. Hu qal li għalkemm dejjem hemm spazju għat-titjib, dan l-Istitut qed iħarreġ nies ta’ l-ogħla kwalita’ li jħabbtuha tajjeb ma’ l-aqwa fid-dinja u mhux l-ewwel darba li l-Maltin jirbħu Awards internazzjonali.
“Tassew qed inħarrġu ‘artisti’ f’dan il-qasam u dan ma jiġix b’kumbinazzjoni imma għax il-Gvern minn dejjem għaraf il-bżonn ta’ bażi edukattiva tajba għal dan is-settur u setturi oħrajn biex dawn jimxu l-quddiem. Li kieku ma kellniex din il-bażi, din l-industrija f’pajjiżna ma setgħetx timxi ‘l quddiem kif fil-fatt għamlet u minflok progress kien ikollna rigress”. Il-Ministru semma wkoll kif bl-għajnuna ta’ l-UE il-Gvern se jkun qed jinvesti mal-Lm1.3m biex l-ITS f’Għawdex jinbena mill-ġdid u jkollu faċilitajiet moderni illi jkomplu jtejjbu s-servizz tat-turiżmu f’Għawdex.
Il-Ministru Galea tkellem ukoll fuq il-bidliet li qed iseħħu fil-mod kif ngħixu u fuq ċerti problemi marbuta ma ikel żejjed, ikel li jħaxxen u n-nuqqas ta’ eżerċizzju. Hu qal li aktar ma jogħla l-livell tal-ħajja tal-Maltin aktar qed niffaċċjaw il-problema ta’ l-obesita’ u dan għaliex m’aħniex attenti biżżejjed x’qed nieklu, il-kwantitajiet li qed nieklu, u x’eżerċizzju qed nagħmlu ta’ kuljum.
Minn statistika ta’ l-NSO joħroġ li mas-60% tal-popolazzjoni Maltija tista’ titqies ta’ ħxuna aktar minn normal (NSO 192/2003). Louis Galea qal li filwaqt li din il-kuxjenza qiegħda dejjem tikber fost il-Maltin irridu noqgħodu attenti li nifhmu li dieta tajba ma tfissirx biss li tiekol inqas imma li tiekol tajjeb u li tagħmel ammont ta’ eżerċizzju kull jum kif jirrakkomandaw l-esperti f’dan il-qasam.
Il-Ministru Galea temm jawgura lill-Korporazzjoni tal-Fieri għal din il-fiera li qed tiġi organizzata f’għeluq il-ħamsin sena tagħha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946