PROĠETT GĦALL-BINI TA’ WATER THEME PARK
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, bl-iskop li jkun infurmat aħjar dwar l-andament fil-qasam turistiku u dwar il-problemi li jħabbtu magħhom dawk kollha involuti f’dan is-settur qiegħed jżur b’mod regolari lukandi, stabbilimenti ta’ l-ikel u stabbilimenti u faċilitajiet oħra konnessi ma’ dan il-qasam.
Il-Ministru Zammit Dimech illum żar ir-Ramla Bay Hotel fl-Armier, il-lukanda Riu Seabank fil-Mellieħa u numru ta’ stabbilimenti ta’ l-ikel f’Bugibba.
Fil-lukanda Ramla Bay bħalissa qed jitwettaq proġett ta’ refurbishment ta’ l-akkomodazzjoni u l-faċilitajiet eżistenti. Qed tiżdied ukoll l-akkomodazzjoni u qed jinbnew faċilitajiet ġodda. Dan il-proġett qed jitwettaq mill-iżviluppaturi Tarcisio Galea Group of Companies u jinvolvi investiment ta’ madwar Lm2.5 miljun. Il-proġett mistenni jitlesta fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Fil-lukanda Riu Seabank dan l-aħħar sar investiment ta’ madwar Lm2.5 miljun oħra li nkluda refurbishment u estenzjoni ta’ kmamar u faċilitajiet. Is-Seabank Group of Companies qed jippjanaw li jinvestu Lm15 miljun fi proġett li jinkludi water theme park u bini ta’ bungalows li jibdel ir-Riu Seabank f’villaġġ turistiku uniku għall-familji. Permezz ta’ dawn il-faċilitajiet u titjib ieħor proġettat l-iżviluppaturi għandhom il-ħsieb li jistabilixxu l-bajja tal-Mellieħa bħala destinazzjoni turistika fuq stil għaliha.
Meta kien qed iżur dawn il-lukandi u stabbilimenti l-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih jinnota li l-investiment fis-settur turistiku hu wieħed kontinwu. Hu qal li filwaqt li din is-sena kienu se jinfetħu ħames lukandi ġodda b’investiment ta’ Lm39 miljun kien hemm diversi proġetti oħra għal estensjonijiet ta’ lukandi eżistenti. Dan it-tkabbir kien jinkwadra fil-politika ta’ kompetittivita’ għaliex meta qed tkabbar qed tagħti l-istess servizz b’inqas spejjeż. Din hi l-economy of scales li rridu nkomplu ninkoraġixxu.
“Pajjiżna llum daħal f’fażi fejn irridu nikkompetu billi nkomplu niżviluppaw niċeċ eżistenti fil-qasam turistiku filwaqt li nidentifikaw niċeċ ġodda. Dan kien importanti għaliex b’hekk inkunu nistgħu nutilizzaw aħjar il-flus li hemm ivvutati għall-marketing mill-MTA,” qal il-Ministru Zammit Dimech li żied li bir-riformi u l-istruturazzjoni li qed isiru fl-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu fl-2004 kienu iffrankati Lm342,236 filwaqt li l-ispejjeż għall-promozzjoni u marketing – li ma jinkludux spejjeż ta’ pagi – sa’ l-aħħar ta’ Diċembru tas-sena l-oħra leħqu Lm5,104,663.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946