ŻVILUPP FIL-BAJJA TA’ SAN ĠORĠ
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jirriferi għal rapporti f’sezzjoni tal-media għal ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-Intercontinenal Hotel dwar il-bajja ta’ San Ġorġ.
Il-Ministeru jfakkar li wara sejħa pubblika l-management ta’ l-Intercontinental Hotel ingħata l-offerta biex jiżviluppa u jopera restaurant/snack bar fuq il-platform tal-konkos li nbena fuq il-lemin tal-bajja bħala parti mill-proġett. Il-management għandu permess ukoll li jopera kiosk żgħir f’nofs il-bajja fejn ma jistax ikun preparat ikel u permess li jikri deckchairs u umbrelel fuq is-sit ħdejn ir-ristorant.
Il-management tal-lukanda Intercontinental għandu permess biss li jopera n-negozju tiegħu fuq parti żgħira ħafna mill-bajja. Il-parti li fuqha jkunu jistgħu jitqiegħdu deckchairs u umbrelel hi fuq encroachment terms, skond konċessjonijiet simili f’bajjiet oħra. Il-konċessjoni tar-restaurant u l-kiosk ingħatat għal perjodu ta’ 50 sena skond il-kundizzjonijiet fit-tender pubblika.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jagħmilha ċara li l-bajja se tibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku kif inhi llum, li jfisser li l-pubbiku jista’ jibqa’ juża l-bajja b’xejn u bl-akbar liberta’ kif għamel s’issa, anzi f’ambjent ferm isbaħ milli kien hemm qabel ma sar dan il-proġett minn dan il-Gvern. Il-lukanda Intercontinental ser tħallas fis-sena aktar minn Lm33,000 għal din il-konċessjoni, flus li se jkopru l-ispiża għall-manutenzjoni ta’ l-istess bajja, li se tibqa’ mmaniġġjata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Ma’ din l-istqarrija qiegħda tiġi annessa pjanta li turi l-post fejn se jinbena r-ristorant, l-area għall-umbrelel u deckchairs u l-post f’nofs il-bajja fejn se jinbena kiosk żgħir.
Għalhekk kull min qed ixerred xnigħat li l-bajja mhux se tibqa’ pubblika u aċċessibbli għall-pubbliku, fir-realtà qed ixxerred xnigħat foloz, intiżi biss għal skopijiet ulterjuri.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946