LAQGĦA BEJN L-AĠENT PRIM MINISTRU U MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, L-ONOR TONIO BORG MA’ L-E.T NASER ELMABROUK, SEGRETARJU GĦAS-SIGURTA PUBBLIKA TAL-LIBJA
Hemm il-possibilita li Pulizija mill-Libja jiġu Malta biex jieħdu taħrig fl-Akkademja tal-Pulizija ta’ Malta . Dan ħareġ minn laqgħa li saret illum wara nofsinhar fil-Berġa ta’ Aragona, bejn l-Aġent Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern Dr Tonio Borg u s-Segretarju għas-Sigurta Pubblika Libjan l-ET Naser Elmabrouk fejn iddiskutew materji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Intern.
Fost it-temi diskussi kien hemm l-attwazzjoni aħjar taż-żewġ trattati li ffirmaw iż-żewġ pajjiżi, dak tal-koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalita u t-trasferiment ta’ priġunieri sentenzjati. Kienet ukoll diskussa l-possibilita li jiġi faċilitat il-ħruġ ta’ visas għal persuni li jivvjaġġaw bejn iż-żewġ pajjiżi.
Ġew diskussi ukoll il-problemi tat-terroriżmu u t-traffikar ta’ droga u ż-żewġ naħat qablu li għandu jkun hemm koperazzjoni sħiħa f’dawn l-oqsma permezz ta’ bdil ta’ informazzjoni.
Fuq l-aġenda tal-laqgħa kien hemm ukoll il-fenomenu ta’ l-immigrazzjoni irregolari, fenomenu li qed jolqot direttament liż-żewġ pajjiżi. Sar qbil li għandu jkun hemm koperazzjoni sħiħa bejn Malta u l-Libja biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari u kontra dawk li qed jitraffikaw il-persuni.
Iż-żewġ naħat qablu wkoll illi d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea m’għandu bl-ebda mod jaffettwa r-relazzjonijiet eċċellenti li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi anzi għandu jsaħħaħom għall-ġid ta’ Malta u l-Libja u r-reġjun tal-Mediterran.
Id-delegazzjoni Libjana, minbarra l-Ministru Elmabrouk, kienet tinkludi lid-Direttur Ġenerali ta’ l-Immigrazzjoni, u Uffiċjali mid-Direttorat tar-Relazzjonijiet Pubbliċi u Koperazzjoni u mill-Uffiċċju ta’ l-Investigazzjonijiet Kriminali. Minn naħa Maltija preżenti kien hemm is-Segretarju Parlamentari Carmelo Mifsud Bonnici, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kap tas-Servizzi ta’ Sigurta’, l-Assistent Kummissarju responsabbli mill-Immigrazzjoni u s-Sigurta’, is-Sur Martin Scicluna, advisor tal-Ministru dwar l-immigrazzjoni irregolari kif ukoll Uffiċjali mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern u l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946