TRANZIZZJONI EFFICJENTI MINGHAJR SKOSSI FL-ERM II
“Wara li nhar is-Sibt li għadda, l-Gvern ħabbar l-istrateġija għall-addozzjoni tal-Ewro u s-sħubija mmedjata fil-mekkaniżmu ERM II, huwa ta’ sodisfazzjoni li nirreġistraw li matul din il-gimgħa, is-swieq finanzjarji ta’ pajjiżna ma’ esperjenzawx skossi, imma ntegraw b’mod komdu għal din ir-realta’ l-ġdida. L-isfida li issa għandna hija sabiex nassiguraw li matul dawn ix-xhur li ġejjin, inkomplu bil-politika tagħna ta’ prudenza fiskali, ħalli nilħqu l-miri li poġġejna għalina nfusna.
“Barra minn dan, ix-xahrejn li ġejjin ser ikunu kruċjali, għaliex fihom ser nintensifikaw l-isforzi diplomatiċi u politiċi tagħna, hekk kif fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea qed jiġu diskussi l-perspettivi finanzjarji għas-snin 2007-2013. Nhar il-Ġimgħa li ġej fil-fatt, ser inkun qed nattendi l-laqgħa tal-ECOFIN, sabiex nipparteċipa f’dan il-proċess ta’ negozjati, bil-għan li nakkwistaw l-aħjar pakkett finanzjarju għal pajjiżna għas-snin li ġejjin. L-importanza ta’ dawn ix-xhur jilħqu l-milja tagħhom fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju, fejn il-Presidenza Lussemburgiża qed timmira li tasal għal ftehim bejn il-pajjiżi kollha dwar il-perspettivi finanzjari. Dawn ix-xahrejn għalhekk huma kruċjali u sensittivi u li matulhom ser naraw attivita’ diplomatika u bilaterali aktar mis-soltu.”
Dan qalu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi meta llum żamm il-laqgħa tax-xahar tiegħu mal-ġurnalisti fil-Berġa ta’ Kastilja. Il-Prim Ministru semma’ wkoll il-laqgħa ta’ djalogu li beda jagħmel mal-pubbliku u qal li għalih, u għal sħabu l-Ministri li kienu preżenti, din kienet esperjenza mportanti, għaliex sema u ħa nota ta’ diversi lmenti u suġġerimenti li għamlu dawk preżenti u li żgur ser ikomplu jgħinu sabiex il-Gvern, filwaqt li jwassal messaġġ dwar ħidmietu, jkompli jħoss il-polz tal-poplu.
Waqt li kien qed jagħti wkoll rendikont tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż, il-Prim Ministru qal li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, id-deficit baqa’ fuq il-miri stabbiliti mill-Gvern. Id-dħul akbar mill-VAT huwa sinjal ta’ konsum akbar u allura ekonomija domestika li qiegħda taħdem u ddawwar il-flus.
“Dan għandu sinifikat akbar meta wieħed jikkunsidra li l-ispiża tal-Gvern qiegħda bil-mod il-mod tonqos, anki jekk f’dan ir-rigward għadni miniex kuntent u naħseb li għad baqa’ ħafna xi jsir minn kulħadd sabiex tinqata’ l-ħela, jiġi attakkat l-abbuż u tiżdied l-effiċjenza u l-produttivita’ fis-settur pubbliku.”
Fl-istess waqt, il-Prim Ministru nnota x-xejriet pożittivi li qed tesperjenza l-industrija tal-esportazzjoni, fejn din il-ġimgħa ġie mħabbar li l-ordnijiet f’dan is-settur żdiedu bi kważi 35% fi Frar ta’ din is-sena, meta mqabbel ma’ Frar tas-sena l-oħra. “Din il-fiduċja fis-swieq tagħna,” żied il-Prim Ministru, “hija rifless tal-fiduċja li pajjiżna qed jispira anki fuq livell internazzjonali, bl-istabilita’ fil-politka ekonomika u monetarja tagħna. Il-fatt li l-Unjoni Ewropea qiegħda suċċessivament tirrapporta progress u titjib fit-tmexxija ekonomika tal-pajjiż, qed dejjem tiżdied il-kredibilita’ ta’ pajjiżna bħala lok ta’ investiment u kummerċ.”
Waqt il-laqgħa tiegħu mal-ġurnalisti, l-Prim Ministru ma’ naqasx milli jikkundanna għal darb’oħra l-atti vandali li saru matul dawn l-aħħar ġranet. Huwa rrefera wkoll għar-rapport dwar s-sitwazzjoni dwar l-abbuż tad-droga li ġie ppublikat din il-ġimgħa u għar-rapport dwar bdil fil-konfini elettorali ppublikat tard il-bieraħ filgħaxija wara li ġie ppreżentat mill-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946