JITNIEDA L-KONSORZJU REFERNET
Waħda mill-aġenżiji ta’ l-Unjoni Ewropea magħrufa bħala CEDEFOP taħdem biex tippromwovi u tiżviluppa l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-pajjiżi ta’ l-Ewropa u sservi bħala ċentru ta’ referenza dwar dan is-settur għall-pajjiżi ta’ l-UE. Din l-aġenzija taħdem biex tħeġġeġ it-tagħlim tul il-ħajja fl-Ewropa billi tipprovdi kemm tista’ informazzjoni dwar is-settur vokazzjonali. L-aġenzija Cedefop ħolqot nisġa bejn il-pajjiżi kollha ta’ l-UE magħrufa bħala r-Refernet biex tilqa’ għad-domanda li dejjem qed tikber għal informazzjoni dwar l-iżviluppi u l-policies ta’ l-istati membri ta’ l-UE. Ir-Refernet hi l-punt ta’ referenza għall-pajjiżi ta’ l-UE fil-qasam vokazzjonali.
F’kull pajjiż ta’ l-UE inkluż f’Malta nħolqu konsorzji nazzjonali li jkun magħmul minn organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ. Il-konsorzju jitmexxa minn koordinatur nazzjonali li jrid jikkoordina x-xogħol ta’ dan il-konsorzju għall-ġid ta’ dawk kollha involuti f’dan il-qasam. Dan in-network joffri l-opportunita’ lill-organizzazzjonijiet f’dan il-qasam li jaqsmu informazzjoni ma’ organizzazzjonijiet simili fil-pajjiżi l-oħra ta’ l-UE. L-iskop ewlieni hu li organizzazzjonijiet differenti jaħdmu flimkien biex imexxu s-settur vokazzjonali ’l quddiem.
F’Malta saret l-ewwel laqgħa għall-organizzazzjonijiet involuti fil-qasam vokazzjonali bl-iskop li jingħaqdu f’dan il-konsorzju u jibda x-xogħol ta’ kuntatti u ħidma ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa. Waqt il-laqgħa kienu diskussi aspetti importanti fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Il-kelliem ewlieni kien is-Sur Tom Leney, espert prominenti fl-Awtorita’ tal-Kwalifiki u Kurrikulu li kien ukoll responsabbli fl-istudju ta’ Maastricht . Is-Sur Laney tkellem dwar is-sehem ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-istrateġija ta’ Lisbona u kif ir-Renju Unit qed jaħdem f’dan is-settur. Kelliema oħrajn tkellmu dwar ir-rwol ta’ Cedefop fid-disseminazzjoni ta’ l-informazzjoni u kif permezz ta’ ħidma bejn l-organizzazzjonijiet u l-pajjiżi differenti titnaqqas id-duplikazzjoni u l-ħela tar-riżorsi u biex ir-riżorsi li jeżistu jintużaw aħjar.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea li għalaq il-laqgħa qal li dan it-tip ta’ networking bejn l-organizzazzjonijiet lokali u saħansitra bejn il-pajjiżi ta’ l-UE hu l-aħjar mod kif nistgħu nilħqu l-miri li għandna għas-snin li ġejjin. Louis Galea qal li pajjiżna għamel passi kbar ’l quddiem fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja. Hu qal li l-ftuħ u l-iżvilupp ta’ l-MCAST biddel kompletament ix-xenarju f’dan il-qasam b’aktar opportunitajiet għall-istudenti li jridu jkomplu l-edukazzjoni tagħhom f’xi qasam vokazzjonali sa livelli ogħla u b’opportunitajiet għal min irid ikompli l-edukazzjoni tiegħu anke waqt li qed jaħdem. Louis Galea qal li filwaqt li fl-MCAST kien hemm ma’ l-1,600 student fl-2001 din is-sena kien hemm aktar minn 3,600 student. Hu qal li sar u qed isir investiment qawwi f’dan is-settur kemm mill-gvern kif ukoll bl-għajnuna tal-fondi ta’ l-UE. Dwar is-settur tat-tagħlim tul il-ħajja l-Ministru Galea qal li għalkemm hemm bżonn li nkomplu nsaħħu dan is-settur dejjem aktar, l-istatistika turi li l-poplu Malti fehem l-importanza li dejjem ikompli jitgħallem u jaġġorna ruħhu. Il-Ministru semma kif skond statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, matul is-sena 2003 ’il fuq minn 15,000 persuna attendew xi kors ta’ tagħlim jew taħriġ mogħti minn waħda mill-istituzzjonijiet li joffru tagħlim u taħriġ għall-adulti. Dan juri żieda ta’ 32% fuq is-sena ta’ qabel. Il-Ministru temm jawgura li l-konsorzju jaħdem bla heda biex intejjbu dan is-settur għall-ġid ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946