IL-GVERN ŻAMM KELMTU MAL-KAĊĊATURI U N-NASSABA
Il-Gvern żamm kelmtu mal-kaċċaturi u n-nassaba. B’riferenza għall-kummenti tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) irid ikun imtenni li l-istqarrijiet tal-Gvern dwar il-kaċċa u l-insib minn dejjem kienu bbażati fuq dak li kien negozjat u maqbul ma’ l-Unjoni Ewropea.
Il-fatti huma li l-kaċċa hi prattikata fil-pajjiżi kollha msieħba fl-Unjoni Ewropea u saħansitra l-Appendix II tal-Birds Directive tinkludi lista ta’ speċi li tista’ ssir kaċċa fuqhom. B’hekk skond id-Direttiva l-kaċċa tista’ ssir legalment f’Malta fuq 32 speċi ta’ għasafar għall-perjodu ta’ ħames xhur, bejn l-1 ta’ Settembru u l-aħħar ta’ Jannar.
Fir-rigward ta’ kaċċa fir-rebbiegħa, f’dokument maħruġ fi tmiem in-negozjati bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, u li hu inkluż fit-taqsima ’Nature Protection’ (Ħarsien tan-Natura) fit-Trattat tas-Sħubija jingħad li ”The EU takes note of Malta’s statement that it will limit the taking in spring to only two species (Turtle Dove and Quail), as an application of the derogation under Article 9 of the Directive.” (L-Unjoni Ewropea tinnota d-dikjarazzjoni ta’ Malta li se tillimita l-kaċċa fir-rebbiegħa fuq żewġ speċi, gamiem u summien, fit-tħaddim tad-deroga mogħtija taħt Artiklu 9 tad-Direttiva).
Dan huwa dokument pubbliku li juri li l-Gvern dejjem kellu, u għad għandu l-intenzjoni li jżomm il-kaċċa tal-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa, billi juża d-deroga mogħtija kull sena.
In-negozjati maqbula ma’ l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ l-insib għall-għasafar ta’ l-għana għandhom l-għan ewlieni li jwasslu biex Malta tirrispetta l-obbligi tagħha biex sa’ tmiem l-2007, in-numru ta’ għasafar ta’ l-għana li jistgħu jkunu minsuba jkun biżżejjed biex isostni d-diversita’ ġenetika ta’ l-ispeċi mgħammra fil-magħluq. Dan ifisser li l-intenzjoni tal-Gvern hu li jippermetti l-insib għall-għasafar ta’ l-għana wara dik id-data.
Il-Gvern irid għal darb’oħra jtenni li hu favur li f’Malta jkun hawn kaċċa u nsib skond dak li hu permess bil-liġi. L-impenn tal-Gvern hu li jaġixxi bil-qawwa kontra l-prattiċi illegali li sfortunatament jitfgħu dawl ikrah fuq il-kaċċa u l-insib f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946