“LEJN IMMANIĠJAR AĦJAR TA’ SKART U INIZJATTIVI BIEX JITNAQQAS L-ISKART” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
Waqt laqgħa ta’ informazzjoni organizzata mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, flimkien mal-WasteServ Malta Ltd. u l-MEPA, ingħataw dettalji dwar il-Waste from Electronic and Electrical Equipment Directive (WEEE). Din hija direttiva li tirregola l-iskart li jinħoloq minn prodotti elettriċi u elettroniċi. L-iskop ta’ din il-laqgħa kien biex manifatturi u importaturi ta’ dawn il-prodotti jkunu jafu x’inhuma l-obbligi tagħhom, biex b’hekk ikunu konformi ma’ din il-liġi. L-operaturi ta’ dan is-settur iridu jirreġistraw għall-eko kontribuzzjoni mal-MEPA.
Waqt il-laqgħa ġie spjegat lill-produtturi u l-importaturi ta’ apparat elettriku u elettroniku x’inhuma l-obbligi tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ waste management, skond id-direttiva tal-WEEE. Uffiċjali tal-MEPA taw preżentazzjoni dwar ir-responsabiltajiet li l-operaturi għandhom biex iwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom taħt din il-leġislazzjoni. Waqt il-laqgħa ġiet spjegata wkoll ir-relazzjoni ta’ bejn id-direttiva tal-WEEE u l-liġi ta’ l-Eko Kontribuzzjoni. Ġie enfasizzat il-fatt li meta produttur jew importatur jiġbor prodotti li jkunu fis-suq permezz ta’ skema liċenzjata, jkun qed jilħaq il-kriterji stabbiliti fir-regolamenti tal-WEEE, u fl-istess ħin ikun qed jissodisfa wkoll r-regolamenti ta’ l-Eko Kontribuzzjoni. F’dan il-każ, l-operatur jista’ jingħata refund parzjali jew sħiħ fuq l-Eko Kontribuzzjoni li trid titħallas, skond l-ammont ta’ prodotti għall-iskart li jinġabru mis-suq.
Uffiċjali mill-WasteServ Malta Ltd saħqu fuq l-importanza li operaturi privati jibdew jieħdu parti mir-responsabilta` ta’ l-immaniġjar ta’ l-iskart billi jiġbru prodotti mis-suq jew inkella billi jħallsu għall-iskart li huma jpoġġu lura fl-iskart ġenerali.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “l-obbligi li l-liġi ta’ l-Eko Kontribuzzjoni tpoġġi fuq kull negozjant huma maħsuba biex jinħolqu skemi li permezz tagħhom ikun hemm inqas ħolqien ta’ skart, kif ukoll biex ikun hemm immaniġjar aħjar ta’ l-iskart li jiġi ġġenerat. Bl-iskema li qegħdin nitkellmu fuqha llum, u l-ħidma tal-MEPA u l-WasteServ Malta Ltd, irridu naslu li jkollna l-akbar numru ta’ imprendituri li jifhmu l-ħtieġa li l-iskart
minn din l-industrija, kemm-il darba jkun immaniġjat aħjar, iwassal biex ikun hemm inqas materjal x’jintrema kif ukoll nersqu lejn il-possibilta` li nnaqsu l-Eko Kontribuzzjoni minn kif inhi llum.” L-Onor. Vassallo kompla billi jgħid li “is-Segretarjat tiegħi huwa impenjat li jara li l-informazzjoni dwar dan is-suġġett tasal għand l-imprendituri u l-konsultazzjoni sseħħ.”
Waqt il-laqgħa, l-imprendituri preżenti kellhom l-opportunita` li jistaqsu mistoqsijiet lill-uffiċjali preżenti u ngħataw informazzjoni rilevanti fuq dan is-suġġett. Din il-laqgħa kienet oħra fost serje ta’ laqgħat ta’ informazzjoni organizzati mis-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo biex is-settur kummerċjali dejjem jinżamm infurmat.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946