DISKORS MIS-SINJURIJA TIEGĦU L-PRIM IMĦALLEF, DOTT. VINCENT A. DE GAETANO, FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TA’ KORS FIL-PROĊEDURI U SISTEMI LI GĦANDHOM X’JAQSMU MAL-PRATTIKA TAL-PERITI BĦALA ESPERTI ĠUDIZZJARJI FIL-QRATI, ORGANIZZAT MILL-KAMRA TAL-PERITI - Ħ’ATTARD
Sur President tal-Kamra tal-Periti,
Sinjuri Periti:
Huwa pjacir tiegħi illum, fuq stedina ġentili tal-President u tal-Kamra tagħkom, li niftaħ dan il-kors organizzat mill-imsemmija Kamra għal dawk minnkom li huma mħajra li jagħtu s-servizzi tagħhom bħala “Esperti” fil-Qrati tagħna.
Meta ftit gimgħat ilu numru ta’ periti ġodda ħadu l-ġurament ta’ lealta` u l-ġurament tal-kariga quddiem il-Qorti ta’ l-Appell, il-President tal-Kamra tagħkom, il-Perit David Pace, għarrafni li l-Kamra kellha l-ħsieb li torganizza dan il-kors proprju biex kemm jista’ jkun jiżdied l-affjatament li nista’ ngħid kważi minn dejjem kien hemm bejn il-professjoni tagħkom u l-Qrati ta’ Malta. Kif żgur li tafu, proporzjon konsiderevoli tal-kawżi quddiem il-Qrati Ċivili jirrigwardaw proprjeta` immobbli – kawżi ta’ wirt, diviżjonijiet, kwistjonijiet dwar il-konfini ta’ proprjetajiet, servitujiet u passaġġi, ħsarat fil-proprjeta`, xogħol konness mal-bini mhux magħmul skond l-arti u s-sengħa, iż-żamma ta’ distanzi regolamentari, bejgħ bl-irkant, biex insemmi xi wħud mill-kwistjonijiet li jinqalgħu – u f’ħafna minn dawn il-kawżi tkun meħtieġa dik il-ħila u sengħa speċjali li perit biss jista’ jagħti. Dawn il-kawżi jistgħu jkunu mhux biss ta’ natura strettament ċivili iżda llum qed naraw li anke f’numru mhux ħażin ta’ kawżi kostituzzjonali li jinvolvu proprjeta` immobbli ikun hemm il-ħtieġa kważi regolarment ta’ l-għajnuna ta’ periti.
Fil-kamp penali wkoll spiss tkun meħtieġa l-għajnuna ta’ perit. Biżżejjed jingħad li f’kull każ fejn isir aċċess fuq il-post fejn ikun twettaq, jew allegatament twettaq, jew ikun suspettat li twettaq, xi delitt ta’ ċerta gravita`, ikun normalment meħtieġ li jsiru pjanti tal-lokal u jittieħdu diversi miżurazzjonijiet biex jiġu ppreservati mill-aħjar li wieħed jista’ dawk li jissejħu t-“traċċi materjali tar-reat”.
Maż-żmien trawmu numru żgħir ta’ periti fix-xogħol, li nista’ nsejjaħlu xogħol “kważi-ġudizzjarju”, konness ma’ dan it-tip ta’ kawżi, u l-ġudikanti – Imħallfin u Maġistrati – dejjem sabu għajnuna siewja minn dawn il-periti. Ma naħsibx li dan in-numru ta’ periti li llum jagħmlu dan ix-xogħol fil-Qorti qatt kellhom il-benefiċċju ta’ taħriġ speċjalizzat proprju għal dak li jirrigwarda l-Qrati – pjuttost naħseb li dawn kollha tgħallmu s-sengħa “kważi-ġudizzjarja” fuq ix-xogħol stess, “by trial and error”, ħafna drabi gwidati mill-paċenzja tal-ġudikant li jkun innominhom fl-inkarigu.
Hemm naturalment imbagħad dawk il-periti li jkunu involuti f’kawżi bħala xhieda ordinarji mtellgħin minn parti jew oħra. Anke dawn, pero`, huwa tajjeb li jkollhom ċerta dimestikezza mal-proċeduri legali biex ikunu jistgħu verament, bħala professjonisti, jixhdu bi preċiżjoni u b’korrettezza.
Il-periti li llum jipprestaw fuq bażi regolari s-servizzi tagħhom lill-Qrati bħala esperti mhux biss qed jikbru fl-eta`, iżda n-numru dejjem jikber ta’ kawżi li jirrikjedi l-għajnuna tal-periti, u, speċjalment u aktar importanti, il-ħtieġa li l-perizji jiġu konklużi fi żmien qasir kemm jista’ jkun, ħoloq il-ħtieġa kemm li dan in-numru ta’ periti li jipprestaw dan is-servizz jikber, kif ukoll li l-periti l-ġodda li jibdew jagħmlu dan ix-xogħol ikunu diġa` mħarrġa għall-anqas f’dawk li huma l-affarijiet bażiċi li jkunu meħtieġa li jafu biex jistgħu jassolvu b’mod effiċjenti l-kompitu mogħti lilhom mill-Qrati. Illum ebda ġudikant ma jista’ jippermetti dak li sa ftit ta’ żmien ilu kien jiġi aċċettat bħala r-regola bil-kompjaċiment kważi ta’ kulħadd, u cioe` li kawża tmur quddiem perit tekniku u tibqa’ hemm quddiemu s-snin. Illum aktar milli qatt qabel il-ġudikanti huma konxji li l-kawżi jridu jiġu deċiżi fi żmien reali li għandu jkun żmien qasir kemm jista’ jkun. Għalhekk huwa imperattiv li periti li jiġu mqabbda mill-Qrati – u hawnhekk qed nuża l-kelma “periti” fis-sens tekniku wiesgħa u mhux ristrett għal “arkitetti u inġiniera ċivili” – ikunu wkoll konxji tal-parametri taż-żmien li fih iridu iwettqu l-perizja, x’għandu jsir jekk dan ma jkunx possibbli, u x’inhuma s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuqhom jekk huma jonqsu milli jikkonkludu l-perizja fiż-żmien mogħti lilhom.
Din l-inizjattiva li ħadet il-Kamra tal-Periti hi għalhekk ta’ min jinkoraġġiha u jfaħħarha; u korpi oħra ta’ professjonisti li wkoll jipprovdu esperti fuq bażi piu` o meno regolari għall-Qrati – għandi f’moħħi bħalissa l-accountants u l-awdituri, kif ukoll it-tobba – jagħmlu tajjeb li jorganizzaw korsijiet bħal dawn.
Diġa` aċċennajt indirettament għaż-żewġ tifsiriet li fl-ilsien Malti għandha l-kelma “perit” – tista’ tfisser dak li komunement nifhmu, jiġifieri arkitett u inġinier ċivili, bħalma kien missieri, jew, fil-kuntest tal-qrati tfisser dak li bl-Ingliż jissejjaħ “referee” (fiċ-ċivil) jew “expert” (fil-kriminal). Infatti spiss nirreferu għall-periti, sia jekk arkitetti u inġiniera ċivili u sia jekk professjonisti jew nies tas-sengħa oħra, bħala “esperti”. Kif żgur li ħafna minnkom jafu l-kelma perit ġejja mill-aġġettiv peritus li bil-Latin tfisser “ta’ esperjenza”, “ta’ prattika”, “ta’ ħila”. Addirittura anke l-kelma “esperjenza”, mill-verb experiri, “li tipprova”, ġejja mill-prefiss ex u mill-kelma peritus, jiġifieri xi ħaġa ġejja minn dak li huwa diġa` ppruvat, ikkollawdat, li diġa` wera li jaħdem tajjeb. Hu hija din l-aktar ħaġa importanti f’kull perit li jiġi nominat mill-Qorti – li jaħdem tajjeb biex ikun verament ta’ għajnuna lill-Qorti u mhux, kif xi mindaqqiet sfortunatament jiġri, li l-perit aktar jikkomplika l-kawża billi jingarbulja kompletament il-kwistjoni li tkun ġiet imqiegħda quddiemu għall-parir tiegħu. Il-perit irid l-ewwel u qabel kollox jifhem eżattament x’qed jintalab jagħmel – u hawnhekk huwa obbligu tal-ġudikant li jfisser b’mod ċar l-iskop tal-perizja li l-perit ikun qed jiġi mitlub iwettaq. Il-perit irid ikun ukoll dispost li jara l-problema li jkollu quddiemu mill-aspetti kollha raġjonevolment possibbli, u għalhekk xi mindaqqiet il-perit jingħata l-fakolta` li jisma’ l-provi bil-ġurament. Il-perit irid jieħu paċenzja bl-istramberiji u bl-idjosinkrasiji mhux biss tal-ġudikant iżda aktar ta’ l-avukati tal-partijiet, mingħajr pero` ma għandu qatt iħalli li l-avukati jiddettaw huma x’għandu jsir jew il-pass li bih il-perizja għandha timxi. U fl-aħħarnett, il-perit għandu jkun preċiż fir-relazzjoni tiegħu. Huwa veru li l-ġudikant mhux obbligat li joqgħod fuq il-parir tal-perit, jew fuq dak li l-perit iqiegħed quddiem il-ġudikant bħala fatt; mill-banda l-oħra, pero`, n-nuqqas ta’ preċiżjoni tista’ tiżvija lill-ġudikant, u konsegwentement tiżvija l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, bl-ikrah. Forsi mhux dejjem huwa apprezzat biżżejjed kemm il-preċiżjoni fil-lingwa hija importanti fil-kamp ġuridiku. Meta sa ftit snin ilu kont għadni ngħallem l-Universita`, lill-istudenti tal-liġi ta’ l-ewwel sena kont nispjegalhom kif anke sempliċi aċċent jista’ jbiddel is-sens kollu ta’ dak li qed jgħidu jew jippruvaw jgħidu, u bħala eżempju kont nindikalhom dik il-kelma li, mingħajr aċċent tfisser “magnet” – kalamita – u bl-aċċent tfisser diżastru kbir – kalamita`!
Jien nawgura li numru dejjem kbir minnkom ikun dispost li jagħti s-servizzi tiegħu fil-Qrati biex b’hekk is-servizz li aħna l-ġudikanti, bl-għajnuna ta’ l-avukati, nagħtu liċ-ċittadin ikun dejjem wieħed li jagħmel gieh lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946