Left arrow Mur Lura

ĦIDMA ESTENSIVA TA’ RESTAWR FUQ IS-SWAR TAL-BELT VALLETTA U L-FLORIANA: DIĠÀ NBDIET IL-ĦIDMA BIEX MALTA TIKSEB FONDI MILL-UNJONI EWROPEA F’DAN IL-QASAM

PR0636
Date Icon 05/05/2005

L-impenn tal-Gvern favur ir-restawr qiegħed ikompli jingħata spinta ’l quddiem. Xempju ta’ dan hija l-ħidma estensiva biex tittejjeb id-dehra tas-swar madwar il-Belt Valletta u l-Floriana. Ħidma li qeda ssir mill-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura, permezz tat-Taqsima tar-Restawr.  

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, flimkien mal-Ministru Ninu Zammit, żar xogħlijiet fuq is-swar tal-Floriana biswit is-Sea Passenger Terminal. Hawn saru diversi interventi fosthom tneħħija bl-idejn ta’ ġebel żgħir perikoluż, tneħħija ta’ ġebel imdaqqas b’mezzi mekkaniċi, tneħħija ta’ arbli tal-metal u veġetazzjoni minn mas-swar. Sar ukoll konsolidament ta’ partijiet perikolużi ta’ blat li jifforma parti mis-swar, kif ukoll bdil ta’ ġebel fejn meħtieġ. Ix-xogħol sar kollu minn ħaddiema fi ħdan it-Taqsima tar-Restawr.  

Ħaddiema mid-Dipartiment tas-Servizzi u Manifattura ser jaħdmu u jinstallaw wall mounted fence għoli mill-inqas 5metri mil-livell tat-triq. Dan għandu jservi sabiex jiġu evitati inċidenti f’din iż-żona tas-swar li qabel inbeda dan ix-xogħol kienet fi stat deterjoranti ħafna. Kuntrattur lokali se jkun qed iwettaq xogħol ta’ rock bolting f’dawn l-inħawi magħrufa bħala Pinto Wharf .  

Meta kien qed jindizza lill-membri ta’ l-istampa, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li matul is-sena li għaddiet tlestew mat-37 proġett ta’ restawr madwar Malta , filwaqt li kompla jsir investiment qawwi sabiex titjieb id-dehra ġenerali ta’ pajjiżna. Għal din is-sena, l-2005, il-Prim Ministru qal li ser jitkompla x-xogħol fuq 32 proġett ieħor ta’ restawr.  

“Minkejja dan l-investiment kollu sabiex titjieb id-dehra ta’ pajjiżna, xorta waħda għad hawn persuni bla sinsla li jagħmlu sfreġju minn monumenti nazzjonali. Huma dawn l-atti li jitfgħu dell ikraħ fuq il-poplu Malti kollu u jgerrxu lil barranin li fuqhom jiddependi l-għixien tagħna.”

Il-Ministru Zammit qal li b’ko-operazjoni ma’ l-Armata għaddejja ħidma ta’ tindif ta’ swar fuq il-ġenb tad-Demi Bastjun ta’ San Mikiel, l-aktar parti għolja tas-swar tal-Belt fejn tħares fuq il-port ta’ Marsamxett. Ser jingħata bidu wkoll għal program ta’ tindif tas-swar tul il-medda ta’ ħitan li jħarsu għal fuq il-Port il-Kbir u dawk li jħarsu għal fuq id-daħla ta’ Marsamxett., liema tindif għandu jitlesta sa l-aħħar ta’ Ġunju. F’Lulju huma pjanati interventi speċifiċi ta’ restawr f’St. Barbara Curtain u l-Bastjun ta’ San Kristofru (Barrakka ta’ Isfel).  

Il-viżjoni tal-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura li jkompli jinvesti f’dan il-qasam, għandha tkompli tagħti l-frott permezz tax-xiri ta’ żewġ platforms oħra li għandhom jiffaċilitaw l-interventi neċessarji fuq is-swar. Il-Ministru Zammit stqarr ukoll li l-Ministeru diġà beda jħejji sabiex iwettaq proġett ambizzjuż li jkopri s-swar tal-Belt, Mdina u Kottonera. Bis-saħħa ta’ l-akkwist mill-Gvern li Malta tibqa’ kkunsidrata bħala Obejctive 1 sa l-2013, hu mistenni li ssir talba għal finanzjament mill-Unjoni Ewropea għal fondi strutturali, sabiex dan il-proġett ambizzjuz isir realtà u tingħata nifs ġdid lil dan il-wirt storiku li jgawdi minnu pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow