JINĦATAR GRUPP TA’ ĦIDMA DWAR GWIDA U PARIRI TAL-KARRIERA
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea llum ħabbar it-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma biex ifassal politika u strateġija għal sistema ta’ gwida u pariri dwar il-karriera li jingħataw l-istudenti bħala parti mill-edukazzjoni obbligatorja (Career Guidance Working Group). Il-Ministru Galea qal li “bħalissa hemm diversi gruppi ta’ ħidma li qed jagħmlu reviżjoni fuq setturi oħra bħall-inklużjoni, is-sistema tal-MATSEC, l-edukazzjoni għolja, il-ħiliet bażiċi ta’ l-adulti, l-attendenza fl-iskejjel, l-edukazzjoni bikrija tat-tfal u fuq kollox ir-reviżjoni ta’ l-istruttura ta’ l-edukazzjoni obbligatorja biex tkompli titjieb is-sistema edukattiva ta’ Malta u Għawdex.”
Il-grupp ta’ ħidma ta’ din ir-reviżjoni se jkun immexxi mis-Sur Manwel Debono M.Sc. u jinkludi fih is-Sur Stephen Camilleri, School Counsellor, is-Sur Albert Ellul, Senior Executive ta’ l-ETC, u l-guidance teacher is-Sinjura Dorianne Gravina.
Il-gwida u l-pariri għall-karriera bdiet tiżviluppa flimkien mas-servizz tal-counselling u bħalissa hemm 25 counsellor u 100 guidance teacher fl-iskejjel ta’ l-istat li jagħtu pariri u jkunu ta’ gwida għall-istudenti. Dan is-servizz jiġi offrut ukoll fl-iskejjel tal-knisja u skejjel indipendenti. Minħabba ż-żieda fi problemi personali u soċjali, dawn l-għalliema u counsellors xi drabi jsibu diffikultà biex ilaħħqu ma’ dawn is-setturi kollha.
Il-gwida tal-karriera hija prijorità mhux biss għax id-domanda kibret, imma għaliex jeħtieġ li l-istudenti jitħejjew aħjar għat-transizzjoni bejn l-iskola u d-dinja tax-xogħol. Ħafna studenti ma jkollhomx l-informazzjoni meħtieġa u rilevanti biex jagħmlu għażla u jippjanaw aħjar il-futur tagħhom. Edukaturi, ġenituri, il-gvern u entitajiet governattivi oħrajn, kollha jaffettwaw b’xi mod jew ieħor l-għażla ta’ karriera li wieħed jagħmel, għalhekk hemm bżonn li dawn jaħdmu aktar fil-qrib bħala komunità biex ikunu ta’ għajnuna għall-istudenti. B’hekk dawn ikollhom idea aktar ċara tal-futur tagħhom u jkollhom fiduċja akbar fihom nfushom.
L-istudenti għandhom bżonn iżommu għajnejhom miftuħin għall-opportunitajiet li jgħinuhom ikattru l-valuri u l-interessi tagħhom u kif ukoll jilħqu l-milja tagħom. Il-gwida u pariri tal-karriera għandhom il-kapaċità jiffaċilitaw l-aċċess u l-inklużjoni fis-soċjetà.
Il-Ministru Galea saħaq fuq l-importanza li f’pajjiżna jkollna politika ċara dwar il-livell tas-servizz ta’ gwida u pariri, u dwar il-bżonn ta’ taħriġ kontinwu lill-counsellors. Hu qal li bħalissa fil-Parlament qed tiġi diskussa l-Aġenda ta’ Lisbona. Il-gwida u pariri tal-karriera hija ħolqa essenzjali f’dan kollu. Waħda mill-miri ta’ din l-aġenda hi li nżidu l-parteċipazzjoni fil-matekmatika, xjenza u studju tat-teknoloġija, u li jkun hemm aktar bilanċ fil-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel f’dawn l-oqsma. Ħarsa lejn l-istatistika turi li in-numru ta’ dawk li jagħżlu dawn is-suġġetti jeħtieġ li jiżdied. Filwaqt li n-numru tan-nisa hu akbar minn dak ta’ l-irġiel f’suġġetti bħal mediċina, liġi u edukazzjoni, dan mhux il-każ fix-xjenza u l-matematika. Gwida ta’ karrieri tajba tista’ toħloq struttura u servizzi biex jgħinu l-individwi jagħżlu skond il-potenzjal tagħhom u skond il-bżonn tas-suq tax-xogħol. Dan is-servizz irid jaħdem ukoll id f’id mal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali ta’ l-Impjiegi. Diversi miżuri tal-Pjan ġew deċiżi biex jiżdiedu l-impjiegi u jsir aktar investiment fit-tagħlim tul il-ħajja.
Il-Ministru Galea temm jgħid li “meta wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni lokali u internazzjonali, jasal għall-konklużjoni li dan il-grupp ta’ ħidma se jgħin biex itejjeb l-kwalità ta’ l-edukazzjoni f’Malta u Għawdex. Dan il-grupp ta’ ħidma ser ifassal politika għall-gwida u pariri tal-karriera fl-iskejjel u jipproponi strateġija kif din il-politika tiġi implimentata.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946