KUNDANNA GĦAL ATT VANDALU FUQ NUMRU TA’ BILLBOARDS
Il-Gvern jikkundanna bil-qawwa kollha l-attakk vandalu li twettaq minn persuni mhux magħrufa, matul il-lejl li għadda, fuq erba’ billboards li hemm fil-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn kienu fost numru ta’ billboards li ttellgħu l-ġimgħa li għaddiet bħala parti minn kampanja nformattiva tal-Gvern fit-toroq li ser jinbnew mill-ġdid permezz ta’ finanzjament mill-Unjoni Ewropea.
L-ewwel lantijiet tax-xogħol fuq dawn il-proġetti mistennija jinfetħu f’Lulju li ġej. Dan kollu jfisser li bejn issa u tmiem is-sena 2006, ser ikun qed isir investiment ta’ €26 miljuni fin-‘network’ tat-toroq arterjali biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Jidher li l-impenn serju u l-programm tal-Gvern biex itejjeb in-‘network’ tat-toroq ta’ pajjiżna mhux qed jinżel tajjeb ma’ xi ndividwi irresponsabbli u kodardi.
Il-proġett tal-bini mill-ġdid tal-‘bypass’ ta’ San Pawl il-Baħar li għandha tul ta’ 2.7 kilometri fil-fatt ser ikun wieħed minn tliet proġetti tat-toroq li ser jibbenefikaw minn finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ proġetti l-oħra li ser jibbenefikaw minn dan il-Fond huma l-bini mill-ġdid ta’ Vjal l-Avjazzjoni Ċivili f’Ħal Luqa, b’tul ta’ 600 metru u triq li tgħaqqad il-Port ta’ l-Imġarr sa’ Għajnsielem f’Għawdex, b’tul ta’ 2.5 kilometri. Dawn il-proġetti kollha mistennija jiswew mal-€11.1 miljuni.
Barra dawn, hemm tliet proġetti oħra fuq in-‘network’ ta’ toroq Maltin li ser ikunu ffinanzjati b’€15 miljuni mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew. Dawn il-proġetti huma t-tiswija tal-pont Manwel Dimech fuq Triq Reġjonali, il-bini mill-ġdid tat-triq bejn Ħal Far u l-Port Ħieles, u l-bini mill-ġdid tat-triq li tagħti mill-Belt Victoria sa San Lawrenz f’Għawdex.
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq ma jeskludix il-possibilità li seta kien hemm mottiv politiku u partiġġjan wara l-atti vandali tal-bieraħ. Dan jgħodd aktar minħabba li x-xogħlijiet tat-toroq qed ikunu identifikati bħala l-aktar proġetti tanġibbli u viżibbli li setgħu iseħħu u li fil-fatt qegħdin iseħħu bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946