IL-KUNSILL LOKALI TA’ TAL-PIETA’ JIPPREŻENTA KTIEB LILL-VIĊI PRIM MINISTRU
“Hija tradizzjoni sabiħa li toroq ikunu msemmija għal persuni li spikkaw fix-xogħol tagħhom jew bil-ħila tagħhom. Dan huwa rikonoxximent għas-servizz li taw lil pajjiżhom u biex fuq kollox il-memorja tagħhom tkompli. Kien għalhekk li l-Kunsill Lokali ta’ Tal-Pieta ddeċieda li jikkummissjona studju dwar il-personalitajiet li għandhom toroq imsemmija għalihom fil-Pietà.”
Hekk qal is-Sindku ta’ Tal-Pieta’, Dr Malcolm Mifsud meta kien qed jippreżenta kopja ta’ pubblikazzjoni ta’ l-istess Kunsill, bl-isem: “Personalitajiet li għandhom toroq imsemmija għalihom fil-Pietà”, xogħol ta’ l-istoriku Winston L. Zammit, lill-Viċi Prim Ministru u Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali, l-Onor. Dr. Tonio Borg.
Dr. Mifsud qal li l-għan tal-ktieb huwa dak li tinżamm ħajja l-memorja ta’ personalitajiet f‘diversi oqsma bħal mediċina, l-amministrazzjoni pubblika, negozju, letteratura u fil-ħajja reliġjuża. Is-Sindku rringrazzja lill-istudjuż ta’ l-istorja Winston L. Zammit, għal biċċa xogħol li għamel, peress li din kienet tinvolvi element kbir ta’ ricerka li ħafna drabi ma kienetx waħda faċli.
Il-Vici Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern Dr. Tonio Borg, filwaqt li rringrazzja lil Dr. Mifsud, faħħar l-inizjattiva tal-Kunsill li jaghti ġieħ lill-personaġġi li ddistingwew ruhhom għal ħidma li wettqu f’hajjithom.
Dr Tonio Borg innota b’sodisfazzjon kemm il-Kunsilli evolvaw f’dawn l-aħħar ħdax-il sena li ilhom imwaqqfa. Minn responsabbiltajiet ristretti għall-indafa fil-lokalitjiet rispettivi tagħom, illum il-Kunsilli Lokali, minbarra li saħħew it-tmexxija lokali, qed jimirħu fl-oqsma tal-kultura, edukazzjoni u attivitajiet soċjali għal ġid tar-residenti fil-lokalitajiet. Huwa ħeġġeġ lil Kunsilli oħra biex jieħdu iktar inizjattivi bħal dawn li zgur jgħinu biex l-ibliet u rħula Maltin u Għawdxin jisħqu fuq l-identita partikolari tagħhom.
Il-ktieb ser jitqassam lir-residenti kollha tal-Pieta` u Gwardamanġia, biex kulħadd ikun jaf min kien dik il-persuna li għaliha ssemmiet it-triq tiegħu u b’hekk l-indirizzi tar-residenti jingħataw tifsira.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946