IL-LIĊENZJI TAN-NEGOZJU JISTGĦU JITĦALLSU MINN KWALUNKWE FERGĦA TAL-MALTAPOST
“Is-sena l-oħra ġiet introdotta skema li permezz tagħha setgħu jitħallsu l-liċenzji tan-negozju fil-fergħat tal-Maltapost. Issa qegħdin nerġgħu nintroduċu din l-iskema, biex dawk kollha li għandhom iħallsu liċenzja tan-negozju jistgħu jagħmlu dan bil-kumdita` kollha fi kwalunkwe’ fergħa tal-Maltapost.”
Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, l-Onor. Edwin Vassallo waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret biex tingħata aktar informazzjoni dwar din l-iskema.
Is-Segretarju Parlamentari Vassallo saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jassigura li dawk kollha li jkunu qed jagħmlu attivita` kummerċjali jkollhom il-liċenzja tan-negozju. “Il-Gvern hu mpenjat li jaċċerta li l-liċenzji tan-negozju u l-attivita` kummerċjali kollha ta’ pajjiżna tkun irregolata. Għalhekk, qegħdin naħdmu biex niffaċilitaw il-proċeduri u nnaqqsu burokrazija eċċessiva, biex b’hekk in-negozjanti jsibuha aktar faċli li jkunu konformi mal-liġi”.
“Id-Diviżjoni tal-Kummerċ bagħtet avviżi ta’ tiġdid għall-ħlas ta’ liċenzji tan-negozju, iżda bħal kif dejjem jiġri ta’ kull sena, hemm min għadu ma ħallasx dawn il-liċenzji. Issa qegħdin nagħmlu li nistgħu biex ngħinu lil dawk in-negozjanti li għal xi raġuni jew oħra għandhom ma ħallsux il-liċenzja tan-negozju tagħhom, biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Iżda jekk ikun hemm liċenzji tan-negozju li jibqgħu ma jitħallsux, allura d-Diviżjoni għall-Kummerċ ma jkollhiex triq oħra ħlief li tirrikorri għall-proċeduri legali.”
Permezz tal-ftehim li qiegħed isir mal-Maltapost, dawk il-persuni li rċevew avviż ta’ ħlas u għadhom ma ħallsux il-liċenzja, kif ukoll lil dawk is-sidien tan-negozji li għandhom liċenzja u li f’dawn l-aħħar xhur qatt ma rċevew avviż ta’ ħlas u għandhom il-liċenzja għadha mhix imħallsa, jistghu jeffettwaw dan il-hlas fil-ferghat tal-Maltapost.”
Biex isir il-ħlas, il-persuni li jmorru fil-fergħat tal-Maltapost iridu jieħdu magħhom jew l-irċevuta ta’ l-aħħar pagament, jew kopja ta’ l-avviż ta’ tiġdid. Jekk il-persuna ma jkollhiex l-avviż ta’ tiġdid, allura biex wieħed iħallas, tkun tinħtieġ kopja ta’ l-aħħar irċevuta. Il-persuna li tkun marret tħallas trid imbagħad tħallas il-pagament kollu, inkluż jekk ikun hemm arretrati. “B’din l-iskema, qegħdin ngħinu lil dawk is-sidien ta’ negozji li għal xi raġuni ma rċevewx it-talba għall-ħlas tal-liċenzja biex jagħmlu dan il-ħlas, flimkien ma’ l-arretrati dovuti, sempliċiment billi juru l-aħħar irċevuta. Jekk il-liċenzja qatt ma tkun tħallset minn meta nħarġet il-licenzja oriġinali, allura dawk is-sidien huma mitluba jieħdu magħhom il-kopja tal-liċenzja oriġinali u jsir il-ħlas għal kull sena dovuta. B’dan il-mod, il-Maltapost qiegħda tgħin lid-Diviżjoni għall-Kummerċ tiġbor il-ħlasijiet dovuti lilha bl-aktar mod faċli u konvenjenti, kemm għad-Diviżjoni, kif ukoll għan-negozjanti li jridu jaffettwaw il-ħlas” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946