Left arrow Go Back

IL-MINISTRU AUSTIN GATT JIRRAPPORTA LILL-KUMITAT PARLAMENTARI DWAR INIZJATTIVI RELATATI MA’ L-ISTRATEĠIJA TA’ LISBONA

PR0624
Date Icon 03/05/2005

Il-Kumitat tal-Parlament dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej il-lejla mistenni jkompli jiddiskuti l-Istrateġija ta’ Lisbona. Il-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, Austin Gatt, illejla ser jissometti rapport dwar l-inizjattivi tal-Ministeru tiegħu biex isir progress fit-tqarrib ta’ Malta lejn l-oġġettivi ta’ din l-istrateġija.  

Id-dekasteru tal-Ministru Gatt jinkludi l-Malta Enterprise u s-Segretarjat għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni li huma żewġ entitajiet direttament responsabbli minn numru ta’ aspetti ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona.  

F’Marzu ta’ l-2000, il-kapijiet tal-gvernijiet ta’ l-Unjoni Ewropea iddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li l-Unjoni tkun “l-aktar ekonomija kompetittiva u dinamika fid-dinja sa l-2010.” Ħames snin wara, l-Unjoni Ewropea identifikat x’qed iżommha lura milli tilħaq il-miri ta' Lisbona.  L-esperjenza ta' dawn l-aħħar ħames snin uriet li l-iskop u l-indikaturi ta’ l-Aġenda ta’ Lisbona kienu tant vasti li kien diffiċli għal pajjiżi membri jiffokaw fuq il-prioritajiet u jkejluhom. Minflok l-istrateġija issa hi ffokata aktar fuq numru limitat ta’ indikaturi ċari.  

Fost l-indikaturi l-ġodda, dawk li huma direttament relevanti għall-Malta Enterprise u s-Segretarjat għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni jinkludu ħames indikaturi dwar l-Innovazzjoni, sitt indikaturi dwar l-Intrapriża u indikatur wieħed dwar l-Inklużjoni Soċjali.  

Il-Ministru Gatt illejla ser jippreżenta r-rapport mehmuż lill-Kumitat Parlamentari. Dan ir-rapport jindirizza l-istrateġiji, il-miri u r-riżultati ta’ kull wieħed mit-tnax-il indikatur.  

Innovazzjoni  

L-ewwel indikatur taħt is-sezzjoni ta’ l-innovazzjoni hu l-iżvilupp ta’ politika għall-innovazzjoni. L-azzjonijiet tal-Malta Enterprise f’dan il-qasam jinkludu l-iżvilupp ta’ pjan ta’ innovazzjoni bbażat fuq tlett snin, it-twaqqif ta’ Strateġija Reġjonali ta’ l-Innovazzjoni għal Malta b’fondi Ewropej u l-iżvilupp ta’ politika għall-innovazzjoni.  

Il-promozzjoni ta’ riċerka teknoloġika fl-iżvilupp u l-innovazzjoni (RTDI) huwa t-tieni indikatur identifikat taħt l-innovazzjoni. Bħalissa l-Malta Enterprise qed tindirizza l-RTDI permezz ta’ Innovation Relay Centre (IRC), il-Business Technology Network (BTN) u t-twaqqif ta' EUREKA National Contact Point f’Malta. L-iżvilupp ta’ inċentivi fiskali biex jippromovu l-investiment fir-riċerka u inċentivi ġodda taħt l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji huma inizzjattivi li jindirrizzaw il-mira li jkun hemm infieq ta’ 3% mill-GDP fuq ir-riċerka sa l-2010.  

Il-mira biex jiżdied l-aċċess għall-Internet fid-djar, fl-iskejjel u fis-servizz pubbliku taqa’ taħt il-qasam ta’ l-innovazzjoni. Is-Segretarjat għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni qed jindirizza dan l-indikatur bil-programm Hello IT, biċ-ċentri ta' l-internet fil-Kunsilli Lokali, biċ-Centri tat-Tagħlim tat-Teknoloġija fil-Kommunità u bl-istrateġija tal-Broadband.  

Il-ħames indikatur taħt l-innovazzjoni hu t-tkattir t’ambjent ta’ rispett għall-propjetà intelletwali. Malta Enterprise għad s’issa m’hix direttament responsabbli minn dan il-qasam u għalhekk qed tirrikkomanda li titwaqqaf IPR help-desk fil-Kordin Business Incubation Centre.  

Intrapriża  

It-titjib fl-aċċess ta' l-SMEs għal programmi Ewropej hija waħda mil-oqsma li kient enfasizzata fl-aġġornament ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona. Malta Enterprise kull xahar tinforma lill-klienti tagħha dwar sejħiet għal proposti Ewropej. B’inċentivi fiskali ġodda, l-SMEs għandhom jitħajru jużaw programmi tal-Unjoni.  

It-tnaqqis fil-piżijiet ta’ regolamentazzjoni qed jiġi indirizzat permezz ta’ inizjattiva flimkien bejn il-Malta Enterprise u s-Segretarjat għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni li qed jiżviluppaw Business Entry Portal.  

It-titjib fl-ambjent għal min jibda negozju qed jiġi indirizzat mill-ME permezz ta’ Entrepreneurship Framework u l-iStart Programme, li jinkludi wkoll l-attivitajiet fil-Kordin Business Incubation Centre.  

L-iskema tal-garanzija fuq self hi waħda mill-għodda li tindirizza n-nuqqas t’aċċess għall-finanzi li jbatu minnu l-SMEs.  

Il-Programm Kick Start huwa inizjattiva oħra bejn il-Malta Enterprise u s-Segretarjat għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni biex tindirizza l-ħames indikaturi dwar appoġġ għal intrapriżi żgħar u kemm dawn jużaw it-teknoloġiji f’xogħolhom.  

Impjiegi u Inklużjoni Soċjali  

L-indikatur relevanti għal attivitajiet tal-Malta Enterprise u s-Segretarjat għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni jiffoka fuq it-tkabbir tal-parteċipazzjoni tas-suq tax-xogħol b'enfasi partikolari fuq sehem in-nisa. L-inizzjattiva EQUAL tal-Malta Enterprise u l-ICT Certifications and Teleworking Framework tas-Segretarjat għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni jindirizzaw l-inklużjoni ta' riżorsi umani li m’humiex qed jintużaw biż-żejjed.    

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow