ESTENSJONI GĦALL-MIŻURA INTIŻA BIEX IR-RAĦĦALA JTEJBU L-IRZIEZET TAGĦHOM
Id-data ta’ l-egħluq għall-applikazzjoni tal-miżura magħrufa bħala ’meeting standards’ ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju, 2006. Din il-miżura hija intiża biex ir-raħħala u l-produtturi jtejbu l-faċilitajiet għall-immaniġġjar ta’ l-iskart likwidu u solidu fl-irziezet tagħhom.
Dettalji dwar din il-miżura ngħataw mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt laqgħa għar-raħħala tal-ħalib u produtturi tal-majjal li saret f’Għawdex. Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono.
Il-Ministru Pullicino qal li l-fondi għal din il-miżura jlaħħqu għal Lm2.6 miljuni u ġejjin kollha mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea. Hu qal li din il-miżura hija intiża wkoll biex ittejjeb u tissalvagwardja l-ambjent Malti u qal li l-Gvern ser joffri servizz ta’ periti biex jgħinu lill-bdiewa u lir-raħħala jħaffu l-proċess ta’ l-applikazzjoni mal-MEPA. Uffiċjali mill-Ministeru ser jikkordinaw dan il-proċess b’pariri tekniċi.
Il-Ministru Pullicino qal li dawk l-irziezet li kellhom il-permess għar-razzett tagħhom qabel l-1992 mhux se jkollhom bżonn jissottomettu Environment Impact Assessment li huwa studju dwar l-impatt ambjentali. Hu qal li twaqqaf kumitat konġunt bejn id-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura u l-MEPA biex jiffaċilita l-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet.
Il-Ministru Pullicino qal li permezz ta’ din l-estensjoni kull raħħal u produttur se jkollu ċ-ċans li jissottometti l-applikazzjoni għall-approvazzjoni u barra minn hekk ir-raħħala mhu se jitilfu xejn mill-fondi allokati taħt din il-miżura.
Matul il-laqgħa, il-Ministru Pullicino tkellem dwar ir-riżoluzzjoni li għaddiet dan l-aħħar mill-Parlament fejn raħħala u produtturi se jkollhom il-qbiela tagħhom imdawra f’ċens ta’ ħamsin sena. Hu żied jgħid li dan il-pass ser jagħti nifs qawwi lir-raħħala u lill-produtturi u l-investiment fuq l-irziezet tagħhom ikun jista’ jsir permezz ta’ għajnuna mill-banek, għajnuna mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll għajnuna mill-Gvern Malti. Il-Ministru George Pullicino ħabbar li ġaladarba għaddiet ir-riżoluzzjoni, inbeda wkoll il-proċess biex din tibda titħaddem.
Intant il-Ministru Pullicino ħabbar ukoll l-approvazzjoni ta’ fondi li jlaħħqu ’l fuq minn Lm800,000 lir-raħħala full time u l-bdiewa full time, liema għajnuna ġejja kollha mill-Unjoni Ewropea. Hu qal li s-sussidju li ngħata fuq iċ-ċanga għas-sena 2004 kien ilaħħaq it-Lm325,000. Il-Ministru Pullicino qal li fil-jiem li ġejjin ser jitħabbru għajnuniet oħra li ser jingħataw lir-raħħala.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946