IKTAR REKLAMAR GĦAL GĦAWDEX BĦALA DESTINAZZJONI TURISTIKA
“Tajjeb li t-turisti li jkunu Malta jingħataw kull informazzjoni dwar l-attrazzjonijiet li joffri Għawdex għaliex b’hekk dawn jista’ jkollhom btala kompleta kemm billi jżuru Għawdex u possibilment ukoll billi jqattgħu xi jiem fuq il-gżira Għawdxija,” qalet il-Ministru għal Għawdex, Giovanna Debono meta ġiet ippreżentata bl-edizzjoni ta’ Mejju tal-magazine tat-turisti, MALTA & GOZO DAY BY DAY.
Il-Ministru għal Għawdex qalet illi barra l-attrazzjonijiet li joffri bħala destinazzjoni distinta, Għawdex jgħin ukoll biex jingħata aktar valur lill-btala f’Malta fejn it-turisti jistgħu jgawdu l-esperjenza ta’ żewġ gżejjer meta jkunu hawn. “Il-Gvern qiegħed kontinwament ifittex li jtejjeb il-prodott turistiku offrut minn Għawdex, sabiex ikompli jtejjeb l-esperjenza tat-turist li jżur lill-gżira. Huwa propju għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jindirizza l-maġġoranza tal-fondi mill-Unjoni Ewropea li għandna speċifikament għal Għawdex, sabiex intejbu l-faċilitajiet u s-servizzi f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-fondi huma ndirizzati speċifikament sabiex intejbu l-isport marbut mad-diving, mal-prodott kulturali kif ukoll mal-livell ta’ servizz offrut minn stabilimenti turistiċi bħal-lukandi u ristoranti”.
Fl-edizzjoni ta’ Mejju tal-magazine MALTA & GOZO DAY BY DAY, Għawdex jingħata prominenza speċjali kemm permezz ta’ ritratt fuq il-qoxra ta’ quddiem b’xena tipikament Għawdxija li turi l-karatteristiċi tal-gżira u l-ambjent trankwill li toffri, kif ukoll permezz ta’ informazzjoni u artikli dwar avvenimenti li jinkludu l-Karnival speċjali li se jsir fl-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju fl-okkażjoni tal-konvenzjoni internazzjonali f’Għawdex tal-Federazzjoni ta’ l-Ibliet tal-Karnival Ewropej.
Waqt li kien qed jagħmel il-preżentazzjoni lill-Ministru Giovanna Debono, id-direttur maniġerjali ta’ Impact Public Relations, il-pubblikaturi tal-magazine, Joe A. Grima qal: “Sa minn meta konna qed naħdmu fuq il-kunċett oriġinali tal-magazine kellna f’moħħna li nipprovdu pubbliċità sħiħa għal Għawdex, kif jindika l-isem li għażilna. Barra minn hekk aħna dejjem nagħtu attenzjoni għal dak li jkun qed jiġri f’Għawdex u wkoll għall-attrazzjonijiet u l-karatteristiċi uniċi tal-gżira li huma ta’ interess għal min ikun qed iżur Malta għaliex nemmnu li b’hekk dawn ikollhom btala aktar kompleta u pjaċevoli.”
MALTA & GOZO DAY BY DAY, li issa huwa fit-tielet sena tal-pubblikazzjoni, huwa magazine ta’ kwalita’ li joħroġ kull xahar u jmur għand turisti li jżuru l-Gżejjer Maltin. L-informazzjoni bażika tingħata bl-Ingliż, Ġermaniż, Franċiż u Taljan. Il-magazine jitqassam fil-lukandi ta’ erba’ u ħames stilel, fl-Uffiċċji ta’ Informazzjoni ta’ l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, fil-Viset, yacht marinas u jintbagħat bil-posta lill-membri tal-British Residents’ Association f’Malta u Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946