Left arrow Go Back

MALTA TISSIEĦEB FL-ERM II U TITĦABBAR L-ISTRATEĠIJA TA’ MALTA DWAR L-ADDOZZJONI TA’ L-EURO

PR0612
Date Icon 30/04/2005

Il-bieraħ 29 ta’ April filgħaxija, il-Euro Working Group[1] laqa’ t-talba konġunta tal-Gvern Malti u tal-Bank Ċentrali ta’ Malta biex il-Lira Maltija tidħol fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju, formalment magħruf bħala ERM II, li jfisser l-ewwel pass biex Malta taddotta il-Munita ta’ l-Euro.

Għaldaqstant Malta, flimkien ma’ Ċipru u l-Latvja, ser issir membru fl-ERM II b’effett minn nhar it-Tnejn, 2 ta’ Mejju.  B’hekk Malta se tkun fit-Tieni Grupp ta’ pajjiżi membri ġodda fl-Unjoni Ewropeja li qegħdin jissieħbu fil-Mekkaniżmu, wara li  fit-28 ta’ Ġunju  2004 kienu daħlu tliet pajjiżi oħra: l-Estonja, il-Litwanja u s-Slovenja.  

Tajjeb li wieħed ifakkar li meta Malta issieħbet fl-Unjoni Ewropeja fl-1 ta’ Mejju 2004, pajjiżna, bħad-9 pajjiżi membri ġodda l-oħra, għamel dan b’kundizzjoni li xi darba taddotta l-euro bħala l-munita nazzjonali tagħha u dan kellu jseħħ hekk kif iċ-ċirkustanzi tal-pajjiż jippermettu. Fil-prattika dan jirrikjedi żewġ kundizzjonijiet prinċipali.  L-ewwel nett, li Malta tissodisfa l-kriterji ta’ Maastricht dwar ir-rata ta’ l-imgħax u dik ta’ l-inflazzjoni, l-bilanċ fiskali u d-dejn pubbliku. Ma’ dawn hemm l-obbligu li tipparteċipa fl-ERM II, għal mill-anqas sentejn mingħajr ma’ l-pajjiż jirrikorri għal żvalutazzjoni.  It-tieni nett, l-istrutturi u l-imġieba ta’ l-ekonomija Maltija jridu jkomplu jsiru jixbħu aktar lil dawk taż-żona ta’ l-euro - aspett li hu magħruf bħala konverġenza reali.   Fi ftit kliem, dan ifisser li biex pajjiż ikun jista’ jaddotta l-euro, jrid l-ewwel jissodisfa l-kriterji ta’ Maastricht u jilħaq livell ta’ żvilupp komparabbli ma’ dak taż-żona ta’ l-euro.  

Għaliex il-Gvern ħass il-ħtieġa li jibda dan il-proċess lejn sħubija fiż-żona ta’ l-euro.  

Il-Gvern jemmen li l-euro għandu jġib miegħu aktar vantaġġi milli żvantaġġi għal pajjiżna, kif spejgat fid-dokument li qed jiġi ppublikat illum.  

-  Fost il-vantaġġi, ta’ min jgħid li l-ekonomija Maltija għandha tibbenefika mill-euro minħabba li din diġa hija ntegrata mhux ħażin ma’ l-ekonomiji taż-żona ta’ l-euro.  Biss biss, 70% tal-kummerċ li Malta tagħmel ma’ barra, huwa ma’ l-Unjoni Ewropea, u 54% huwa mal-pajjiżi li hemm fiż-żona ta’ l-euro.  

      Għaldaqstant,  l-industrija u l-konsumaturi f’pajjizna jistgħu jgawdu sostanzjalment mill-eliminazzjoni tar-riskju fuq il-kambju, billi l-euro awtomatikament jelimina kull ċaqliq li jista’ jkun hemm bejn il-lira Maltija u dan ta’ l-aħħar. Fil-fatt, sa ċertu punt, dan iċ-ċaqliq għandu jbatti wkoll fl-ERM II, minħabba r-rabta aktar mill-qrib li se jkun hemm ma’ l-euro.  

-  L-euro jnaqqas ukoll l-ispejjeż li jinqalgħu meta flus jew bilanċi f’liri Maltin jissarfu, jew jinqalbu, f’euro, u viċi-versa.  

-  L-euro joħloq aktar trasparenza fil-prezzijiet billi jiffaċilita paraguni bejn prezzijiet lokali u dawk fuq prodotti barranin li l-prezz tagħhom ikun ikkwotat f’euro.  

-  Aktar kredibilita’ fejn jidħol il-kontroll fuq l-għoli tal-ħajja.  Għalkemm il-Bank Ċentrali ta’ Malta diġa jħares l-istabilita’ fil-prezzijiet, meta Malta tidħol fiż-żona ta l-euro, dan l-għan ikun aktar kredibbli u aktar viżibbli f’għajnejn l-investituri barranin u l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, għaliex il-ħarsien ta’ l-istabilita’ fil-prezzijiet, huwa mandatorju fuq il-Bank Ċentrali Ewropew u dan huwa fatt magħruf mad-dinja kollha.  

-  Dan għandu jservi biex jiżdied l-aċċess għas-swieq finanzjarji u biex l-imprendituri u l-pubbliku Malti jkun jista’ jgawdi mill-aħjar rati ta’ imgħax, kemm fuq self kif ukoll fuq investimenti finanzjarji.  Is-suq finanzjarju ta’ l-euro huwa ħafna akbar minn dak fil-lira Maltija.  

-  Minħabba li l-addozzjoni ta’ l-euro tkun tfisser li l-pajjiż ikun laħaq livell għoli ta’ żvilupp u qiegħed isegwi policies tajbin, l-euro għandu jsaħħaħ il-Credit Rating ta’ pajjiżna min agenziji nternazzjonli.  Dan isarraf f’roħs fuq il-premium li llum jitħallas fuq self minn barra, liema premium ikopri r-riskju li jkun assoċjat ma’ Malta.  

-  B’hekk Malta tkun f’qagħda aħjar biex tattira nvestiment barrani u  għaldaqstant jitjiebu il-prospetti għal aktar investiment barrani u ħolqien ta’ postijiet ġodda tax-xogħol.   

Dan kollu għandu jwassal biex jagħmel lil pajjiżna aktar attrajenti għal kull min irid jinvesti, u għaldaqstant jissarraf fil-ħolqien ta’ aktar impjiegi u ġid għall-poplu Malti u Għawdxi.  

Ħaġa li tista’ tkun ta’ żvantaġġ hi l-impatt possibbli ta’ l-euro fuq il-prezzijiet.  

Jista jkun hemm min jipprova jieħu l-opportunita’ li jgħolli l-prezzijiet b’tali mod li jkun hemm żieda temporanja fl-għoli tal-ħajja.  Il-Gvern hu konxju ta’ dan ir-riskju u ser jagħmel ħiltu kollha biex jilqa’ għalih, permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni, id-dħul minn kmieni ta’ sistema ta’ dual pricing biex il-konsumatur jidra (per eżempju, kemm għanda tiswa kartuna ħalib f’euro), sorveljanza tal-prezzijiet u mezzi oħra simili - u li ser jitħabbru fiż-żmien propizju.  Wieħed irid jgħid ukoll li dan ir-riskju dejjem ser ikun hemm - irrispettivament mid-data tad-dħul fiż-żona ta’ l-euro. Għaldaqstant is-soluzzjoni m’hijiex li tkun posposta d-data tad-dħul, imma li jittieħdu miżuri speċifiċi li jindirizzaw dan ir-riskju. Il-Gvern hu konvint li nistgħu nilqgħu għal din l-isfida jekk nippreparaw ruħna sew qabel issir il-konverżjoni għall-euro.  

Il-Gvern jieħu din id-deċizzjoni bil-għaqal, mingħajr għaġġla żejda u fl-aħjar interess tal-pajjiż fi ħsiebu.  

Għalkemm il-Gvern dejjem sostna li hu fl-aħjar interess tal-pajjiż li d-dħul ta’ l-euro jkun aktar fil-qrib milli fil-bogħod – dejjem kien attent li din id-deċizjoni ma titteħidx kmieni wisq mingħajr ma nkunu qisna jekk l-ekonomija Maltija hijiex lesta għal dan il-pass.  

L-Estonia, il-Litwanja u s-Slovenja ilhom jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu sa mit-28 ta’ Ġunju 2004, bil-ħsieb li jaddottaw l- euro fl-1 Jannar 2007.    

Il-Gvern Malti dak in-nhar setgħa jikkonsidra jekk iridx jidħol ma’ dan l-ewwel grupp.   

B’responsabbilta’ konna għażilna li dan ma nagħmluħx.  Dak iż-żmien ħassejna li kien ikun aħjar jekk l-ewwel naraw kif se:  

-     nagħtu direzzjoni ġdida u l-ispinta meħtieġa lill-ekonomija, 

-     inwettqu r-riformi strutturali meħtiega biex intejbu l-kompetittivita’ u;

-     inkomplu inqiegħdu il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż fuq sisien sostenibbli.    

Il-Gvern ħass li dan kellu jwassal biex pajjiżna mhux biss jissodisfa l-kriterji formali ta’ Maastricht, iżda biex l-ekonomija tagħna tkun laħqet livell ta’ żvilupp qrib dak tal-pajjizi taż-żona ta’ l-euro.  Żgur li llum din hija l-aspirazzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.  

Wara li l-Gvern Malti ġie nfurmat li l-assessment li għamlet il-Kummissjoni Ewropea u wara l-analiżi li saret fil-Economic and Financial Committee (fejn hemm rappreżentanza tal-Ministri tal-Finanzi, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali tal-membri kollha ta’ l-UE), kien wieħed pożittiv, il-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ħadu d-deċiżjoni li ssir l-applikazzjoni għas-sħubija fil-mekkaniżmu ERM II.  Il-fatt li Malta ġiet aċċettata fl-ERM II juri biċ-ċar li qiegħed isir progress f’dawk il-kundizzjonijiet meħtieġa biex Malta eventwlament tkun tista’ taddotta l-euro.  

Għaldaqstant, nħar il-Ħamis 28 ta’ April, il-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi, flimkien mal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, għamlu talba formali lill-Prim Ministru Jean Claude Juncker  il-President tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (L-Ecofin) - biex Malta tidħol fil-Mekkaniżmu ta’ l-ERM II, liema talba b’sodisfazzjon, ġiet milqugħha mil-pajjiżi kollha fiż-żona ta’ l-euro u minn dawk li diġa’ qiegħdin fil-Mekkaniżmu, u mil-Bank Ċentrali Ewropew.  

Dan ser ifisser li min-nhar it-Tnejn 2 ta’ Mejju 2005, jiġi fit-tmiem il-basket ta’ tlett muniti li fuqu sal-ġimgħa l-oħra kien jinħaddem il-valur tal-Lira Maltita u minflok, il-lira Maltija se tintrabat biss ma’ l-euro.  B’hekk, filwaqt li qabel, l-euro kellu sehem ta’ 70%, issa l-lira Maltija se timxi biss skond l-euro.  Din ir-rabta se tkun ibbażata fuq ir-rata ta’ 0.429300 liri Maltin għal kull euro, li hija r-rata tal-kambju li kienet fis-seħħ fis-2:15 p.m. nhar il-Gimgħa 29 ta’ April 2005.

Twaqqif tal-Euro Changeover Committee  

Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li llum il-Gvern flimkien mal-Bank Ċentrali Malti, qed jippublika dokument dwar l-Istrateġija ta’ Malta għall-addozzjoni ta’ l-euro. 

Din l-istrategija titkellem dwar numru ta’ aspetti li jridu jiġu kkunsidrati minn issa ‘l quddiem, bi preparazzjoni għal sħubija sħiħa fiż-żona ta’ l-euro, kemm mill-aspett ekonomiku, kif ukoll mill-aspett prattiku.  

Dan hu proċess kumpless u wiesa u jidħol f’numru ta’ aspetti teknici u ekonomici b’ implikazzjonijiet soċjali wkoll.  Wieħed ikun irid jara, per eżempju, x’informazzjoni trid tingħata biex jigi ppreparat il-poplu Malti, x’tibdil jeħtieġ fis-sistemi ta’ l-informatika, l-istampar tal-karti u l-muniti ta’ l-euro (għal Malta), is-sorveljanza tal-prezzijiet, il-konverżjoni tal-prezzijiet, reviżjoni ta’ materjal edukattiv li jitkellem fuq il-valuta legali, kif ukoll liġijiet u kuntratti li jaghtu xi valur ta’ penali, tariffi etc.  

Għal dan il-għan ser jitwaqqaf Euro Changeover Committee.  Dan il-kumitat se jiġbor fih numru ta' working groups li se jidhlu fl-aspetti kollha ta' dan il-proċess, biex il-bidla għall-euro issir bl-aktar mod ordnat.   Il-Kumitat u l-working groups iridu jinvolvu fihom lil firxa wiesa ta' rappreżentanti ta' diversi setturi li jistgħu jkunu affettwati minn din il-bidla.

DOI – 30.04.2005

[1] Il-Euro Working Group jikkonsisti fir-rappreżentanza tal-Ministeri tal-Finanzi ta’ dawk il-pajjizi li diġa adottaw l-Euro jew bdew il-proċess biex jissieħbu, il-Kummissjoni Ewropeja u l-Bank Ċentrali Ewropew

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow