L-ONOR HELEN D’AMATO TINAWGURA OPEN WEEKEND ĠEWWA VILLA CHELSEA, F’BIRKIRKARA
L-Onor Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità inawgurat Open Weekend ġewwa Villa Chelsea, f’Birkirkara.
Barra mill-ġbir ta’ fondi, din l-attività tgħin sabiex jiżdied l-għarfien dwar id-diversi servizzi li toffri r-Richmond Foundation. Skop ieħor huwa li titnaqqas l-istigma li teżisti lejn persuni li għandhom diffikultajiet ta’ saħħa mentali.
Ir-Richmond Foundation li twaqqfet fl-1993 toffri numru ta’ servizzi lil persuni li għandom xi problemi fil-qasam tas-saħħa mentali. Fost id-diversi servizzi offruti insibu Supported Housing Schemes, Supported Employment Programmes, Home Support Services, u fl-aħħarnett Villa Chelsea. Villa Chelsea infetħet 1996 u tipprovdi perjodu ta’ addattament lin-nies li jbagħtu minn problemi ta’ saħħa mentali. Din id-dar bħalissa għandha 9 residenti u 10 persuni oħra li jattendu għal Day Programmes.
Minbarra dawn is-servizzi, ir-Richmond Foundation tgħin ukoll sabiex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku dwar dawn il-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali.
L-Onor Helen D’Amato filwaqt li faħħret u rringrazzjat lir-Richmond Foundation għal ħidma siewja li qegħda twettaq f’dan is-settur ħegget lill-pubbliku sabiex iżur Villa Chelsea f’dan il-Weekend. Hija spjegat kemm hu importanti li l-pubbliku jinforma ruħu dwar il-qasam tas-saħħa mentali. “Iż-zieda fl-informazzjoni tghin sabiex titnaqqas l-istigma assoċjata ma’ dan l-aspett filwaqt li tippromwovi s-saħħa mentali’’.
Minn naħa tagħha s-Sinjura Doris Gauci, Chief Executive Officer tar-Richmond Foundation qalet:
‘‘Id-domanda ghas-servizzi tagħna, kull sena qiegħda tiżdied. Pero’, ninsabu f’sitwazzjoni fejn qed ikollna nħallu nies fuq ‘waiting lists’, minħabba nuqqas ta’ fondi adekwati.
Għaldaqstant ir-Richmond Foundation torganizza diversi attivitajiet matul is-sena illi jgħinuna niġbru dawn il-fondi tant meħtieġa.’’
Is-Sinjura Catherine Gonzi, viċi Chairperson tar-Richmond Foundation saħqet fuq l-importanza tal-kura fil-komunità u qalet li r-rwol tal-volontarjat f’dan is-settur huwa kruċjali biex inkomplu nżidu s-servizzi kemm lil min ibgħati minn problemi ta’ saħħa mentali kif ukoll lill-familjari tagħhom. Hija rringrazzjat lil kull min b’xi mod jew ieħor jagħti sehmu f’dan il-qasam u ħeġġet biex aktar nies jersqu u jagħrfu s-servizzi tar-Richmond Foundation.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946