SETTUR MIBNI U MKABBAR MINN IMPRENDITURI PRIVATI
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li kien pjaċir tiegħu ikun preżenti għat-tnedija ta’ din il-lukanda Seabank Riu, li żviluppat minn proġett żgħir għal wieħed ambizzjuż għaliex warajha kien hemm imprenditur Malti li għaraf jinvesti f’qasam li mill-Indipendenza ’l hawn kiber mix-xejn għal settur li llum jagħmel kwart tal-ġid nazzjonali.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-istorja tal-familja Debono kienet storja ta’ suċċess li bdiet 20 sena ilu meta xtraw il- ‘Pot of Gold’, guesthouse żgħira. Illum il-familja Debono hi waħda mill-kumpanniji ewlenin fis-settur turistiku bil-lukanda Seabank Riu ta’ 266 kamra. Hu qal li ftit metri ’l bogħod mil-lukanda Riu, fejn qabel kien hemm The Tunny Net Complex il-familja Debono bnew kumpless turistiku li jiġbor ristorant, pub, disco club, beach lido u faċilitajiet ta’ sport fil-baħar. Il-familja Debono għandhom ukoll l- aparthotel Port Azzurro b’124 kamra, fetħu l-ewwel Hard Rock Café f’Malta permezz ta’ ftehim ta’ franchise, għandhom il-lukanda ta’ 300 kamra Mercure Coralia u wettqu diversi investimenti oħra fis-settur turistiku.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-qasam turistiku f’pajjiżna nbena bl-investiment tas-settur privat. Hu qal li s-settur privat hu magħruf li investa f’dan is-settur Lm500 miljun. Francis Zammit Dimech qal li l-fiduċja tal-privat f’dan is-settur hi tant qawwija li bħalissa qed jinvestu Lm51 miljun f’bini ta’ lukandi ġodda u f’estensjonijiet. Is-settur privat qed jinvesti Lm170 miljun ieħor fi tliet proġetti kbar fil-qasam turistiku: il-proġett tal-Kottonera, il-proġett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne’ u l-proġett tal-Cruise Liner Passenger Terminal.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar li din is-sena, apparti s-Seabank Riu li ser tiġi inawgurata uffiċjalment mill-Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi illejla, kienu se jkunu inawgurati ħames lukandi ġodda li bejniethom se jipprovdu 1,844 sodda u kienu jinvolvu investiment ta’ Lm 39 miljun, u kienu se jġibu lejn pajjiżna 27,000 turist li jitqiesu bħala ‘negozju ġdid’. Dawn il-lukandi ġodda mistennija li mhux biss jagħmlu tajjeb għall-impjiegi li jintilfu minn lukandi li jagħlqu iżda anke jżidu l-ħaddiema f’dan is-settur.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li anke fil-qasam turistiku l-pajjiż kien għaddej minn ristrutturazzjoni bil-ftuħ jew it-tkabbir ta’ lukandi Five Star u Four Star u bl-għeluq ta’ lukandi f’kategoriji aktar baxxi. Hu qal li dan kollu kien importanti għaliex pajjiżna ma setax ikompli jżid mingħajr limitu n-numru ta’ turisti li jiġu Malta u għalhekk kien tajjeb li jiżdied il-valur billi nattiraw fostna turisti li jħallu aktar flus fil-pajjiż.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li pajjiżna kien qed joffri faċilitajiet ta’ ħames stilel u attrazzjonijiet ta’ ħames stilel. Hu qal li dawn il-faċilitajiet kienu qed jiftħulna orizzonti ġodda fil-qasam turistiku b’niċeċ ġodda bħal dik tal-konferenzi u l-inċentivi. Hu qal li din in-niċċa waħedha tattira lejn pajjiżna 55,000 delegat, li s-sena li għaddiet nefqu Lm 18.8 miljun.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li t-turiżmu jibqa’ għal pajjiżna l-aktar settur ekonomiku importanti li jkattar il-ġid u joħloq l-impjiegi. Hu qal li dan is-settur ma kienx ikun dak li hu llum li kieku ma kinux l-imprendituri Maltin li tant ħadmu biex bnew u kabbru lil dan is-settur. Francis Zammit Dimech qal li ried jirringrazzja b’mod partikolari lill-familja Debono li emmnu fil-qasam turistiku, investew fih u llum qed jaqtgħu l-frott ta’ ħidmiethom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946