STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TA’ L-OMBUDSMAN
Il-ħidma mill-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman biex iġib ’il quddiem id-dritt tal-Maltin għal amministrazzjoni pubblika li taħdem tajjeb kompliet matul din il-ġimgħa meta l-Ombudsman stieden lis-Sindki u s-Segretarji Eżekuttivi tal-kunsilli kollha ta’ Malta u Għawdex għal laqgħat li saru apposta fuq dan is-suġġett.
Matul dawn il-laqgħat l-Ombudsman saħaq li l-Maltin kollha għandhom dritt għal trattament ġust u xieraq u servizz effiċjenti fi żmien raġonevoli sew mill-gvern ċentrali kif ukoll mill-awtoritajiet lokali. L-Ombudsman saħaq li l-kunsilli lokali għandhom jimxu fuq il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba fil-kuntatti kollha tagħhom mal-pubbliku u semma bosta eżempji ta’ kif amministrazzjoni pubblika tajba għandha titwettaq fil-prattika.
Matul dawn il-laqgħat uħud mis-Sindki u mis-Segretarji Eżekuttivi tkellmu dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom biex huma jkunu jistgħu jimxu fuq dawn il-prinċipji u jwettquhom. Huma talbu l-parir ta’ l-Ombudsman dwar l-aħjar mod kif għandhom iwettqu dawn il-prinċipji f’oqsma bħalma huma l-kontroll tat-traffiku, il-ħidma biex toroq jinżammu fi stat tajjeb kif ukoll il-kuntatti ma’ ażjendi pubbliċi.
Fl-istess ħin is-Sindki u s-Segretarji Eżekuttivi saħqu li huma jaqblu ma’ l-għan ta’ l-Ombudsman li ċ-ċittadini għandhom ikunu l-qofol tal-ħidma tagħhom u li l-kunsilli lokali għandhom jaħdmu bla heda favur id-drittijiet taċ-ċittadini meta jkunu qed iwettqu l-funzjonijiet tagħhom skond l-Att dwar il-Kunsilli Lokali.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946