IPPREŻENTATI R-RIŻULTATI TA’ SURVEY TRI-DIMENSJONALI TAL-ĠGANTIJA
Ir-riżultati ta’ survey tri-dimensjonali tat-Tempji tal-Ġgantija fix-Xagħra Għawdex ġew mgħoddija uffiċjalment mill-Onor Giovanna Debono Ministru għal Għawdex, liċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Dr Mario Tabone waqt attività li saret fit-Tempji tal-Ġgantija li għaliha attenda wkoll il-Ministru tat-Turiżmu u Kultura l-Onor Francis Zammit Dimech.
Waqt diskors ta’ l-okkażjoni, il-Ministru għal Għawdex qalet li dan is-survey kien possibbli wara li l-Ministeru għal Għawdex issottometta applikazzjoni għall-fondi tas-Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea meta l-Ġgantija ġarrbet ħsarat fil-maltempati ta’ Settembru tas-sena 2003. Il-Ministru qalet li dan huwa l-ewwel survey tat-tip tiegħu li jinkludi tempju sħiħ u huwa neċessarju bħala bażi ta’ kull studju xjentifiku jew intervent li jrid isir fuq il-Ġgantija. L-istess fondi qegħdin jiffinanzjaw ukoll żewġ proġetti oħra; it-tqiegħid ta’ scaffolding fuq parti li waqgħet bix-xita waqt l-istess maltempata u x-xogħol propju tar-restawr ta’ din il-parti.
Il-Ministru Debono rringrazzjat lil Heritage Malta għall-impenn tagħha favur il-wirt storiku f’Għawdex u appellat biex il-Ġgantija titpoġġa fuq quddiem nett ta’ l-aġenda tal-proġetti ta’ l-aġenzija. Il-Ministru rringrazzjat ukoll lit-Taqsima tar-Restawr tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet li għenet lill-Ministeru għal Għawdex fit-twettieq tal-proġett.
Dr Mario Tabone, li rċieva d-dokumentazzjoni f’isem Heritage Malta rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex għall-għajnuna li sabet Heritage Malta kemm f’dan il-proġett kif ukoll fi proġetti oħrajn li qegħdin isiru mill-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta. Huwa qal li Heritage Malta għandha diversi proġetti, wħud ippjanati u oħrajn li diġà bdew fir-rigward tal-Ġgantija. Huwa qal li minbarra l-budget nazzjonali, Heritage Malta qiegħda u qed jirnexxilha tfittex u takkwista fondi addizzjonali għall-Ġgantija minn sorsi differenti.
Wara saret preżentazzjoni għall-pubbliku tar-riżultati tas-survey fil-Mitħna ta’ Kola fix-Xagħra, mill-Perit Hermann Bonnici tat-Taqsima tar-Restawr u minn uffiċjali tal-kumpanija Taljana li wettqet ix-xogħol.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946