Left arrow Mur Lura

SPETTAKLU LI JFAKKAR AVVENIMENT UNIKU FL-ISTORJA TA’ PAJJIŻNA

PR0595
Date Icon 28/04/2005

Il-Festival tal-Logħob tan-Nar, li din is-sena hu fir-raba’ sena tiegħu, issa ntrabat  maċ-ċelebrazzonijiet tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, li din is-sena qed niċċelebraw l-ewwel anniversarju tagħha.  

Dan il-festival se jsir għada u pitgħada, 29 u 30 ta’ April, fil-Port il-Kbir. Il-festival jiġbor fih ukoll spettaklu awdjo-visiv dwar l-Assedju l-Kbir tal-1565, mgħejjun  minn effetti speċjali ta’ dawl, drama u logħob tan-nar; attivitajiet fi Triq il-Barriera, il-Belt Valletta, normalment assoċjati ma’ festa Maltija u logħob tan-nar ta’ l-art mekkanizzat (ġiġġifogu).  

Fil-festival ta’ din is-sena ntgħażlu tliet kmamar tan-nar Maltin biex joffru tlett spettakli tal-logħob tan-nar sinkronizzat mal-mużika. Dawn huma ‘Santa Marija’ ta’ l-Imqabba, ‘15 ta’ Awissu’ tal-Mosta u ‘San Mikiel’ ta’ Ħal Lija.  Disa’ kmamar tan-nar oħra wkoll se jesebixxu xogħlijiet pirotekniċi. Nhar is-Sibt, flimkien mal-kmamar tan-nar Maltin, se toffri spettaklu ieħor sinkronizzat mal-mużika mill-kumpannija rinomata tan-nar Taljana, Orzella Fireworks.  

Din is-sena wkoll, bl-għajnuna tal-kumpanija Maltija Pyro Ltd u tal-Għaqda Piroteknika Maltija, kienet impurtata sistema teknoloġika magħrufa bħala Fire One li se jużaw it-tliet kmamar tan-nar fil-preżentazzjoni tal-wirjiet pirotekniċi tagħhom.  It-tagħmir Fire One jintuża madwar id-dinja fl-aqwa wirjiet pirotekniċi internazzjonali.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech żar il-post f’Ras Ħanżir fejn qed isiru l-aħħar tħejjijiet għal wirjiet tal-logħob tan-nar li ser ikunu organizzati għada u pitgħada. “Fil-ħidma li qed twettaq l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu jispikkaw l-attivitajiet organizzati mid-Direttorat ta’ l-Ippjanar tal-Prodott u Żvilupp li għandhom bħala għan li jattiraw lejn pajjiżna viżitaturi li jiġu fostna għal esperjenza speċjali. Il-festival tal-logħob tan-nar hu parti minn din l-esperjenza u qed jiġi organizzat fil-bidu ta’ l-istaġun tal-festi li jsiru mal-bliet u l-irħula ta’ pajjiżna, li huma parti mill-kultura tagħna,” qal il-Ministru Zammit Dimech.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-festival ta’ din is-sena qed ikun organizzat bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-ewwel anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.  Issa li pajjiżna huwa parti minn din l-Unjoni ta’ 25 nazzjon Ewropej, Malta diġa’ qed tgawdi minn miljuni ta’ liri f’għajnuna li qed jiġu minn fondi ta’ l-UE. Hu qal li l-proġetti ta’ toroq u proġetti marbuta ma’ l-ambjent qegħdin hemm biex jarahom kulħadd.  

“Hemm proġetti wkoll li qed jgħinuna ntejjbu l-prodott turistiku tagħna u l-qasam kulturali. Pajjiżna diġa’ kkwalifika għal fondi biex ikunu mgħejjuna ażjendi turistiċi u biex ntejjbu monumenti preistoriċi u nħawi bħal Howard Gardens fl-Imdina u l-medda ta’ toroq li mill-Cruise Liner Passenger Terminal twassal sa Misraħ Kastilja,” tenna l-Ministru Zammit Dimech li żied li din is-sena l-Unjoni Ewropea qed tpoġġi għad-dispożizzjoni tagħna Lm66 miljun f’għotjiet li għandhom jikkontribwixxu bis-sħiħ biex pajjiżna jsir wieħed aktar modern u hekk nattiraw lejn pajjiżna aktar turisti.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow