JIŻDIED ID-DĦUL MIT-TURIŻMU
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li matul is-sena li għaddiet id-dħul gross mit-turiżmu laħaq Lm269.1 miljun, jew 2.9 fil-mija aktar mill-2003.
Il-Ministru Zammit Dimech kien qed jitkellem waqt żjara lil lukanda Victoria f’serje ta’ żjarat li qed jagħmel lil stakeholders fl-industrja turistika bl-iskop li jsir jaf aħjar l-problemi fis-settur u jiddiskutihom ma’ min hu nvolut direttament.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li d-dħul gross għas-sena 2004 kien l-aktar riżultat posittiv li ksibna fl-aħħar ħames snin. Hu qal li t-titjib fil-qasam turistiku kellu wkoll effett fuq il-qasam tax-xogħol f’dan il-qasam fejn l-impjiegi full-time u part-time kibru minn 15,842 fl-2002 għal 16,407 fl-2003 għal 16,705 sa’ Novembru 2004.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li sehem importanti f’dan is-settur jagħtih il-privat li jinvesti fil-lukandi u r-ristoranti. Hu qal li din is-sena qed jinfetħu ħames lukandi ġodda – erba’ Four Star u waħda Three Star – b’1,844 sodda. Hu qal li dawn jinvolvu investiment ta’ Lm39 miljun u mistennija jiġbdu lejn pajjiżna 27,000 turist li jitqiesu bħala negozju ġdid għal dan il-qasam.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li bħalissa qed jitwettqu 16-il proġett turistiku ġdid jew estensjonijiet ta’ lukandi flimkien ma’ tliet proġetti turistiċi kbar li bejniethom jinvolvu investiment ta’ madwar Lm180 miljun. Hu qal li dan kollu juri l-fiduċja li s-settur privat għandu f’dan il-qasam li fl-aħħar 20 sena qala’ aktar minn Lm4,000 miljun għal pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan il-qasam jagħti skop għal ottimiżmu kawt. Hu qal li kienu ta’ inkorraġiment ċifri maħruġa sew mill-Organizazzjoni Dinjija tat-Turiżmu kif ukoll mill-MHRA. Hu qal li
· Ċifri maħruġa mill-World Tourism Organisation juru li fl-2004 kien hemm żieda fit-turiżmu ta’ 2 fil-mija fl-Ewropa tal-Punent u ta’ 3 fil-mija fl-Ewropa tan-Nofsinhar u l-Ewropa Mediterranja. F’Malta ż-żieda kienet ta’ 3.5 fil-mija.
· Stħarriġ minn Deloitte għall-MHRA wera li fl-2004 Malta kellha wieħed mill-aktar riżultati pożittivi fir-reġjun bl-ikbar titjib fl-‘occupancy’. Malta kellha żieda ta’ 4.6 fil-mija fuq l-2003, Ċipru kellu żieda ta’ 1.4 fil-mija, il-Canary Islands kellhom tnaqqis ta’ 0.8 fil-mija, il-Costa del Sol kellha tnaqqis ta’ 4.1 fil-mija filwaqt li f’Mallorca ma kien hemm ebda tibdil. Fir-raba’ kwart ta’ l-2004 l-‘occupancy’ għal Malta wriet żieda ta’ 11.6 fil-mija, żieda ta’ 1.4 fil-mija f’Ċipru, żieda ta’ 2.5 fil-mija fil-Canary Islands, żieda ta’ 0.2 fil-mija fil-Mallorca u tnaqqis ta’ 2 fil-mija f’Costa del Sol.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika jirriżulta li kellna żieda fin-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna f’Jannar u tnaqqis fi Frar. Ċifri ippubblikati dwar il-movimenti fl-ajruport ta’ Ħal Luqa mill-MIA juru li kien hemm żieda fl-ewwel tliet xhur tas-sena. Hu qal li għalkemm is-settur turistiku kien wieħed li ma jiddependix għal kollox minnha stajna nħarsu lejh b’ottimiżmu.
Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern kien se jkompli jagħmel ħiltu biex ikun hemm l-aħjar ambjent għal min jiġi jżurna. Hu qal li dan kien qed iwettqu permezz ta’ proġetti ta’ tisbiħ, ta’ titjib fil-qasam tat-toroq u ta’ l-infrastruttura u permezz ta’ liġijiet u regolamenti li jħarsu aħjar lit-turist. Hu qal li ħafna jiddependi mis-settur privat li l-Gvern kien qed igħin permezz ta’ skemi finanzjati minnu u mill-Unjoni Ewropea iżda l-aktar billi permezz ta’ l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu jinvesti fi promozzjoni u marketing. Hu qal li l-MTA s-sena l-oħra nefqet Lm5.1 miljun fi promozzjoni u marketing – ċifra li ma tinkludix l-ispejjeż f’pagi ta’ min jaħdem f’dan il-qasam.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien ċert li bi sforz bejn dawk kollha involuti f’dan il-qasam – Gvern, settur privat u poplu – dan is-settur kien se jkompli jimxi ’l quddiem biex jibqa’ qasam importanti ta’ l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946