DISKORS MILL-ONOR. NINU ZAMMIT, MINISTRU TAR-RIŻORSI U INFRASTRUTTURA FL-OKKAŻJONI TAT-TNEDIJA TA’ “THE STATE OF THE CONSTRUCTION INDUSTRY REPORT 2004” – FLORIANA - IT-TLIETA, 26 TA’ APRIL 2005
Is-settur tal-kostruzzjoni huwa wieħed mill-aktar setturi importanti għall-ekonomija Maltija. Xhieda ta’ dan huwa l-persentaġġ għoli ta’ home ownership f’pajjiżna u l-iżvilupp urban li rajna f’dawn l-aħħar ħamsin sena.
Matul is-snin il-Gvern kien dejjem konxju mill-importanza ta’ dan is-settur u għamel diversi interventi sew biex jippromwovi din l-industrija kif ukoll biex jirregolaha. It-twaqqif ta’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar li issa żviluppat fl-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar kien pass għaqli biex l-iżvilupp urban ikun jista’ jiġi regolat b’mod li filwaqt li ma jillimitax iżżejjed l-iżvilupp urban, fl-istess ħin jipprovdi ambjent isbaħ u aħjar għat-tgawdija tal-poplu.
It-twaqqif ta’ l-Awtorità għas-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol kienet ta’ importanza kbira b’mod partikolari għas-settur ta’ kostruzzjoni. B’dispjaċir ngħid li għadna naraw xi prattiċi li ma jagħmlux gieħ lill-ħaddiema u li iżjed minnhekk dawn il-prattiċi jpoġġu ħajjet il-haddiema fil-periklu.
Il-Building Industry Consultative Council twaqqaf proprju biex ikun hemm iffukar fuq dan is-settur u sabiex jittieħdu dawk l-inizjattivi u miżuri li huma destinati biex isaħħu l-industrija tal-kostruzzjoni kif ukoll biex janalizzaw ix-xejriet li jkunu prevalenti f’dan is-settur.
Ma’ dan kollu rridu nirrikonoxxu li filwaqt li l-Gvern jinvesti għexieren ta’ miljuni ta’ liri kull sena f’proġetti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-industrija tal-kostruzzjoni, hemm ukoll is-settur privat li għandu parti importanti kbira fis-settur. Minn dawk li joperaw il-barrieri għall-bennejja, kuntratturi, azjendi li jfornu lis-settur, sensara u estate agents – dawn kollha għandhom sehem importanti x’jagħtu biex l-industrija ta’ kostruzzjoni tagħna tkun sostenibbli u b’saħħitha.
Huwa għalhekk pjaċir għal Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura li llum qed jiġi mniedi l-ewwel State of the Construction Industry Report li jkopri s-sena 2004. Dan huwa l-ewwel rapport ta’ din ix-xorta u li jagħti stampa dwar l-andament ta’ l-industrija tal-kostruzzjoni matul is-sena 2004. Dan ir-rapport huwa ntiż biex jirrapporta l-istat ta’ fatt fuq diversi aspetti li lkoll għandhom x’jaqsmu ma’ dan is-settur.
Dan ir-rapport għandu jservi ta’ għodda biex dawk li diġà joperaw fis-settur u dawk li qegħdin jagħmlu ħsieb li jidħlu f’dan is-settur ikollhom biċċa għodda li taħt umbrella waħda tiġbor ħafna mill-informazzjoni li wieħed ikollu bżonn biex jiddeċiedi għandux jinvesti iżjed jew jiddiversifika.
Għan iehor ta’ dan ir-rapport huwa illi jixpruna idejat mis-settur kif ukoll mill-BICC fuq l-inizjattivi li għandhom jittieħdu biex flimkien, bħala team wiehed, nagħmlu sinerġija u nikkoperaw flimkien. L-oġġettiv prinċipali għandu jkun sabiex nassiguraw il-ħidma tagħna favur industrija b’saħħitha u ekonomika, industrija ambjentalment aċċettabli mill-aspetti ta’ estetika u b’miżuri favur il-konservazzjoni ta’ enerġija. Għandha tkun ukoll industrija li tipprovdi impjiegi bl-aħjar miżuri ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
F’isem il-Ministru, ma nistax ma nirringrazzjax lill-BICC ta’ din l-inizjattiva kif ukoll lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor ikkontribwew biex dan il-proġett jimmaterjalizza. Nappella lil dawk kollha li jistgħu jagħtu sehemhom biex l-informazzjoni li tinġabar tkun aċċessibbli għall-finijiet ta’ dan il-progett. Irrid ukoll nirringrazzja u nifraħ lill-awturi ta’ dan ir-rapport, il-Perit Kevin Gatt u l-Inġinier Helga Pizzuto li matul din l-aħħar sena kellhom challenge biex irnexxielhom ifasslu dan l-ewwel rapport, liema rapport huwa l-ewwel wieħed li qatt ġie ppreżentat u li għalih ma kien hemm l-ebda mudell.
Fl-aħħarnett għandi l-pjaċir inħabbar illi hija l-intenzjoni tagħna li dan ir-rapport ikun ikkummissjonat kull sena biex b’hekk inkunu nistgħu jkollna stampa ċara ta’ l-andament ta’ dan is-settur. Nawgura li dan id-dokument jiġi milqugħ tajjeb minnkom ilkoll u ssibuh ta’ utilità fi kwalsijasi stadju ta’ l-operat tagħkom li ovvjament għandu x’jaqsam ma’ l-industrija tal-kostruzzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946