IL-BDIEWA U R-RAĦĦALA JIBBENEFIKAW MINN GĦAJNUNIET MINN FONDI TA’ L-UNJONI EWROPEA U TAL-GVERN MALTI
B’riferenza għall-kummenti tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni waqt żjara għand bdiewa fir-Rabat, irid jingħad li l-Gvern qed iżomm mal-wegħdiet li saru qabel l-elezzjoni u li jirriżultaw mit-trattat tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan jixhduh in-numru kbir ta’ bdiewa u raħħala li fl-aħħar xhur ibbenefikaw minn għajnuniet minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Malti.
Il-fatt li dawn il-bdiewa urew lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni dak li nvestew fir-raba tagħhom huwa prova li anke huma għandhom fiduċja f’dan is-settur. Li kieku m’għandhomx fiduċja fil-futur żgur li ma kienux jinvestu.
Il-fatti juru li l-bdiewa u r-raħħala qed igawdu minn pakkett ta’ għajnuna li tlaħħaq it-Lm18-il miljun sas-sena 2006 f’fondi ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Gvern Malti. Matul l-aħħar tnax-il xahar il-bdiewa gawdew minn Lm4,187,000 f’għajnuniet filwaqt li r-raħħala irċevew mat-Lm3,704,000 f’għajnuna oħra.
Irid jitfakkar ukoll l-investiment ta’ madwar €1.3 miljuni fit-titjib fil-Pitkalija li jinkludi wkoll il-grading station li ladarba jitlesta għandu jiżgura li l-prodott tal-bidwi Malti jġib valur akbar fis-suq. Dan qed isir b’finanzjament mill-ħames protokoll finanzjarju mal-Gvern Taljan.
Barra minn hekk, bħala membri ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Gvern bħalissa qed jinnegozja wkoll pakkett ieħor ta’ għajnuna mis-sena 2007 sa’ l-2014.
Il-Gvern hu determinat li jibqa’ jassisti b’kull mod lil dan is-settur u dan billi jsir ir-ristrutturar meħtieġ. Dan l-investiment kollu qed isir fis-settur ta’ l-agrikoltura b’għajnuna diretta lill-bdiewa u r-raħħala minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Malti.
Ta’ min ifakkar li bil-proposta li kienet għamlet l-Oppożizzjoni qabel ir-Referendum dwar id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-bidwi u r-raħħal Malti kien jispiċċa jgħum fil-mewġ ta’ importazzjoni ħielsa mingħajr l-ebda għajnuna finanzjarja lil dawn l-operaturi.
L-attivita` fil-qasam ta’ l-agro-industrija li għandu pajjiżna sena wara s-sħubija fl-Unjoni Ewropea hija ferm aħjar minn dak li kien bassret l-Oppożizzjoni fix-xhur ta’ qabel ir-referendum u l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946