KONFERENZA STAMPA MILL-ONOR. TONIO FENECH, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-FINANZI DWAR ID-DIRETTIVA TAL-UNJONI EWROPEA DWAR TAXXI FUQ DĦUL MINN IMGĦAXIJIET
A. 1 ta’ Lulju 2005 - Id-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja dwar Taxxi fuq Dħul minn Imgħaxijiet (Savings Tax Directive) ikkonfermata li ħa tiġi fis-seħħ
Introduzzjoni
Fl-1 ta’ Lulju li ġej se tiġi fis-seħħ Direttiva tal-Unjoni Ewropeja dwar taxxi fuq dħul minn imgħaxijiet. Din id-Direttiva hi komunement magħrufa bħala s-Savings Tax Directive.
Din id-Direttiva hi d-Direttiva Numru 2003/48/EC tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar it-tassazzjoni fuq dħul minn tfaddil f’forma ta’ ħlas ta’ interessi. Iżda marbuta magħha hemm ukoll :
| (a) | id-Direttiva nru. 2004/66/EC, tas-26 ta’ April 2004, dwar il-moviment ħieles (free movement) fil-qasam, fost oħrajn, tat-tassazzjoni wara d-dħul tal-għaxar pajjiżi ġodda, fosthom Malta , fl-Unjoni Ewropeja f’Mejju li għadda; u |
| (b) | id-Direttiva nru. 2004/587/EC, tad-19 ta’ Lulju 2004, dwar id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-ewwel direttiva li semmejt. |
Dħul fis-Seħħ
Fl-ECOFIN tat-12 ta’ April 2005 ġie konfermat li billi il-Pajjiżi Terzi kollha ser ikunu irratifikaw dan it-Ftehim sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena – id-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja dwar Taxxi fuq Dħul minn Imgħaxijiet (Savings Tax Directive) ser tigi fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2005.
L-għan ta’ din id-Direttiva
Id-dħul fuq tfaddil, taħt forma ta’ ħlasijiet ta’ imgħaxijiet li jkunu saru f’pajjiż membru lill-persuni li jkunu residenti, għall-fini tat-taxxa, f’pajjiż ieħor membru jkunu soġġetti għat-taxxa skond il-liġijiet ta’ dan il-pajjiż.
X’ser tfisser
Mill-1 ta’ Lulju 2005 il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja u dawk Terzi jridu jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa sabiex din id-Direttiva tkun implimentata - fosthom koperazzjoni sħiħa u skambju ta’ informazzjoni bankarja li trid tingħata bl-obbligu minn dawk kollha li jkunu qed iħallsu dawn l-imgħaxijiet, irrispettivament fejn tkun lokalizzata l-istituzzjoni li magħha jkun sar l-investiment li fuqu qed jitħallas l-istess imgħax.
Dan isir billi jew :
1. Ikun hemm skambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi dwar ħlasijiet ta’ imgħaxijiet sabiex it-tassazzjoni fuqhom fil-pajjiż fejn hu residenti min ikun qed jirċievi dawn l-imgħaxijiet ikun jista’ isir; jew
2. Fuq bażi ta’ provvediment tranżitorju l-pajjiż minn fejn qed joriġina l-imgħax iżomm Withholding Tax li jgħaddi lill-pajjiż fejn hu residenti min ikun qed jirċievi dawn l-imgħaxijiet.
Fuq liema Imgħax wieħed qed jitkellem
Id-Direttiva tapplika għal kwalunkwe imgħaxijiet fuq tfaddil imħallsa minn istituzzjoni mwaqqfa fil-pajjiż li għalih ikun japplika t-Trattat tal-Unjoni Ewropeja u fil-Pajjiżi Terżi firmatarji ta’ din id-Direttiva.
Id-Direttiva tkopri kwalunkwe ħlas ta’ imgħaxijiet sew :
depożiti ta’ tfaddil,
Corporate u Government Bonds
Securities oħra li jkunu negozzjabbli.
L-imgħaxijiet ikopru kwalunkwe imgħax imħallas jew kapitalizzat, u li jinkludi l-imgħax kalkulat li jkun akkruwixxa (accrued) sad-data ta’ bejgħ jew ħlas lura ta’ bond fejn l-imgħaxijiet normalment jitħallsu flimkien mal-kapital meta jagħlaq (Zero-Coupon Bond).
Id-Direttiva tkopri wkoll kwalunkwe imgħax li jitħallas b’riżultat ta’ investiment indirett via Collective Investment Undertaking jiġifieri investment funds li jkunu amministrati minn fund manager li jqiegħed id-diversi investimenti magħmula miegħu minn individwi f’assi diversi skond kriterji definiti ta’ riskju.
Id-Direttiva, iżda, teskludi kwalunkwe dħul ieħor li jkun ġej minn ħlas ta’ pensjoni jew benefiċċji ta’ assikurazzjoni.
Kif se taħdem is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni
Meta min qed jirċievi ħlas ta’ imgħaxijiet ikun residenti f’pajjiż membru, li ma jkunx l-istess pajjiż fejn tkun lokalizzata l-istituzzjoni li qed tħallas dak l-imgħax, id-Direttiva tgħid li din l-istituzzjoni trid tirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż membru fejn tkun lokalizzata, fejn tagħti dettalji dwar :
l-identità u r-residenza ta’ min ikun qed jirċievi l-imgħaxijiet,
l-isem u l-indirizz ta’ min ikun qed iħallas dawk l-imgħaxijiet,
il-kont bankarju tal-persuna li qed tirċiviehom jew,
fejn dan ma jkunux jeżisti, tagħrif dwar l-investiment li fuqu jkun qed jitħallas l-imgħax kif ukoll tagħrif ieħor dwar l-istess ħlas.
Barra dan, għandu jingħata tagħrif dwar dan il-ħlas ta’ imgħaxijiet mill-istituzzjoni li qed tħallas l-imgħax fejn tiddistingwi l-kategorji speċifiċi ta’ imgħax kif inhu elenkat fl-istess Direttiva. Iżda, il-pajjiżi membri, jistgħu jillimitaw dan it-tagħrif għall-ammont globali ta’ imgħaxijiet imħallsa, u għall-ammont globali ta’ dħul li jkun ġej minn bejgħ, fid-data tal-maturità tal-investiment jew ħlas lura.
L-Awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż membru fejn tkun lokalizzata l-istituzzjoni li tkun qed tagħmel il-ħlas, iridu jikkomunikaw, almenu darba fis-sena, fi żmien sitt xhur minn tmiem is-sena fiskali ta’ l-istess pajjiż membru, l-informazzjoni kollha lill-Awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż membru ta’ fejn ikun residenti minn qed jirċievi l-imgħax.
Il-Provvediment Tranżitorju tal- Withholding Tax
Il-pajjiżi li ser japplikaw il-provvediment tranżitorju, flok jipprovdu għall-iskambju ta’ informazzjoni, se jkunu jistgħu jħaddmu withholding tax.
Din ser tkun
15% għall-ewwel tliet snin (2005-2007),
20% għat-tliet snin ta’ wara (2008-2010)
u ta’ 35% mill-2011 ‘l hinn.
Fir-rigward ta’ kif jinqasam id-dħul minn din il-withholding tax, id-Direttiva tgħid li dawk il-pajjiżi membri li jkunu qed jiġbruha jistgħu iżommu għalihom sa 25% mid-dħul minnha u jgħaddu l-kumplament, jiġifieri l-75% l-oħra lill-pajjiż membru fejn ikun residenti dak li jkun ħallas din il-withholding tax fuq l-imgħax li jkun irċieva.
Fir-rigward ta’ taxxa doppja, id-Direttiva tgħid li, dak il-pajjiż membru fejn ikun residenti min ikun qed jirċievi l-imgħax jew l-imgħaxijiet, u allura fejn normalment qed iħallas it-taxxa, għandu jiżgura li t-taxxa ma titħallasx darbtejn meta jkun qed jimponi l-withholding tax.
Il-Pajjiżi li ser japplikkaw l-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni
Dawn huma il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropeja b’eċċezzjoni ta’ l-Belġju, Lussemburgu, u l-Awstrija.
Mill-pajjiżi terzi firmatarji hemm ukoll l-Anguilla, Cayman Islands, Montserrat, u Aruba.
Il-Pajjiżi li ser japplikkaw il-Provvediment Tranżitorju tal-Withholding Tax
Mil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja - Belġju, Lussemburgu, u l-Awstrija.
Mil-pajjiżi terzi - l-Iżvizzera, Leichtenstein, San Marino, Monaco, l-Andorra, Jersey, Guernsey, l-Isle of Man, Channel Islands, Antilles, British Virgin Islands, u it-Turks and Caicos Islands.
Id-Direttiva 2003/48/KE dwar it-Tassazzjoni tad-Dħul mit-Tfaddil (Savings)
Malta implimentat id-Direttiva tat-3 ta’ Ġunju, 2003, adottata mill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej dwar it-Tassazzjoni tad-Dħul mit-Tfaddil (Savings) f’forma ta’ ħlasijiet ta’ imgħax bis-saħħa tal-proviżjonijiet ta’ Artikolu nru. 52B ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (Regolament Nru. 5 ta’ Avviż Legali Nru. 267 ta’ 2004). Dan ir-regolament daħħal fis-seħħ il-proviżjonijiet tad-Direttiva fuq it-Taxxa dwar Tfaddil (Savings) mill-1 ta’ Mejju 2004.
Fid-19 ta’ Lulju 2004, il-Kunsill (bid-deċiżjoni 2004/587/KE) mexxa d-data ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva għall-1 ta’ Lulju, 2005. Malta ffirmat il-ftehim kollu fuq it-Taxxa dwar Tfaddil (Savings). Għaldaqstant, l-proviżjonijiet kollha tal-ftehim se japplikaw minn din id-data. Malta m’għandhiex bżonn tirratifika l-ftehim fil-Parlament. Minflok se jiġu ppubblikati linji gwida, kif ukoll il-ftehim fuq it-Taxxa dwar Tfaddil (Savings) qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2005. Dawn r-regolamenti se jiġu fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2005.
Skema ta’ Reġistrazzjoni ta’ Investiment 2005 (Investment Registration Scheme)
Aktar tard din il-ġimgħa l-Gvern se jippubblika Regolamenti dwar estensjoni tal-Iskema ta’ Reġistrazzjoni dwar l-Investiment (Investment Registration Scheme).
L-iskop ta’ dawn ir-regolamenti hu li residenti f’Malta li għandhom investimenti barra l-pajjiż jingħataw l-aħħar ċans biex jirregolarizzaw irwieħhom għar-rigward ta’ dawn l-investimenti kemm-il darba dawn għadhom m’humiex reġistrati mal-Awtoritajiet lokali.
Għaldaqstant, il-Gvern qed jipprovdi estensjoni tal-iskema li kienet tħabbret fl-2003 (permezz ta’ l-Avviż Legali 209/03 u 226/03) sas-16 ta’ Ġunju 2005 b’dawn l-aġġustamenti:
| (a) | li l-iskema tkopri dawk l-investimenti li kienu jinsabu barra minn Malta sal-31 ta’ Diċembru 2004; u |
| (b) | li titħallas miżata ta’ reġistrazzjoni ta’ 5% fuq il-valur fis-suq ta’ l-assi investiti li jkunu qed jiġu reġistrati. |
L-Iskemi preċedenti
L-ewwel skema
F’Settembru 2001, il-Gvern kien niehda skema ta’ reġistrazzjoni ta’ investiment. L-għan ta’ dik l-iskema kien biex jagħti lir-residenti f’Malta li kellhom investimenti barra mill-pajjiż mingħajr il-permessi tal-kontroll tal-kambju meħtieġa taħt l-Exchange Control Act, u mingħajr ma kienu qegħdin jiddikjaraw id-dħul minnhom għall-fini tat-taxxa fuq id-dħul, l-opportunità li jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom taħt iż-żewġ liġijiet.
Dik l-iskema għalqet fl-aħħar tal-2002.
Il-valur globali ta’ assi jew investimenti barranin li ġew reġistrati taħt dik l-iskema kien jilħaq għal Lm291.5 miljun li minnhom Lm55.1 miljun ġew ripatrijati.
Total ta’ Lm10.5 miljuni tħallas bħala miżati ta’ reġistrazzjoni wara li minnhom tnaqqsu l-kummissjoni li l-Gvern ħallas lil dawk li ħadu ħsieb ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-investimenti.
It-Tieni Skema
Wara li f’Ġunju tal-2003 il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropeja addotta id-Direttiva msemmija, il-Gvern iddeċieda li jagħti estensjoni tal-iskema ta’ reġistrazzjoni ta’ investimenti għal żmien limitat bejn l-1 ta’ Settembru 2003 u l-15 ta’ Novembru 2003.
Ir-reġistrazzjonijiet globali taħt din l-estensjoni kienu ta’ Lm132.5 miljun u l-miżati ta’ reġistrazzjoni netti telgħu għal Lm6.6 miljuni.
Din l-Skema
L-iskema ta’ reġistrazzjoni ta’ l-investimenti se tkun estiża għall-aħħar darba għal perjodu limitat li jagħlaq fis-16 ta’ Ġunju li ġej u tidħol fis-seħħ mad-data tal-pubblikazzjoni tar-regolamenti.
Dawn ir-regolamenti huma, bejn wieħed u ieħor, bħal dawk ta’ l-iskemi preċedenti.
Resident f’Malta jista’ jirreġistra taħt din l-iskema kwalunkwe investiment li jkollu barra minn Malta u li kellu jiġi dikjarat għall-fini tal-Att dwar il-Kontroll tal-Kambju li kien fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2003. Id-dħul kollu minn dawn l-investimenti, li hu dikjarabbli taħt il-liġi tat-Taxxa fuq id-Dħul (Income Tax), jista’ wkoll jiġi reġistrat taħt din l-iskema minn dawk li għandhom dawn l-investimenti barranin.
Għall-fini ta’ din l-iskema jistgħu jiġu reġistrati l-investimenti barranin kollha li sal-lum ma kienux jibbenefikaw minn skemi preċedenti.
Ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-investimenti se tkun miftuħa sew għal dawk li se jkunu ripatrijati lura lejn Malta , kif ukoll għal dawk li se jinżammu barra minn Malta fejn qegħdin illum.
Dawn l-investimenti jinkludu:
1. assi finanzjarji miżmuma barra minn Malta , inkluż depożiti f’banek, ishma, bonds, skemi ta’ investiment kollettiv, derivatives u strumenti oħra ta’ investiment;
2. life u annuity long-term insurance policies maħruġa barra minn Malta ;
3. self magħmul minn investitur Malti lejn kumpaniji li hu għandu barra minn Malta u li l-iskop tagħhom hu li jinvestu flus f’investimenti oħra;
4. propjetà miżmuma barra minn Malta ;
5. depożiti f’munita barranija;
6. investimenti f’non-prescribed fund ta’ skema ta’ investiment kollettiv ibbażat f’Malta, jiġifieri funds li kienu soġġetti għal annual overseas investment allowance taħt il-liġi tal-Kontroll tal-Kambju;
7. long-term insurance policies f’munita barranija maħruġa minn kumpaniji ta’ sigurtà li għandhom l-operat tagħhom f’Malta.
Ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-investimenti se ssir minn aġenti maħtura għal ta’ l-apposta, jiġifieri credit institutions, stock brokers, u dawk kollha li jipprovdu servizzi ta’ investiment u li għandhom liċenzja ta’ kategorija 2 u ta’ kategorija 3. Dawn l-aġenti se jkollhom formoli speċjali għal dan l-iskop li fuqhom issir ir-reġistrazzjoni.
L-aġent maħtur għal dan il-għan se jirreġistra biss dawn l-investimenti wara li ssir applikazzjoni mill-investitur konċernat u li magħha jissottometti l-oriġinal ta’ evidenza dokumentarja li tikkonferma li l-investiment li qiegħed jiġi reġistrat verament jappartjeni lil min qiegħed japplika. Dawk kollha li jkunu qegħdin jirreġistraw l-investimenti barranin tagħhom se jkunu mitluba jiddikjaraw konferma li huma s-sidien ta’ l-investimenti li qed jiġu reġistrati li l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li qed jissottomettu ma’ l-applikazzjoni huma ġenwini, u li l-investimenti mhumiex ġejjin minn qliegħ jew minn dħul ieħor ta’ attivitajiet kriminali. La darba tkun provduta din id-dikjarazzjoni l-aġent maħtur għal ta’ l-apposta ikun jista’ joħroġ iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.
Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jinħareġ lill-applikant wara l-ħlas ta’ miżata ta’ reġistrazzjoni li tkun ekwivalenti għal 5% tal-valur fis-suq tal-investiment li qed jiġi reġistrat.
Min qiegħed japplika mhu se jagħmel l-ebda ħlas għas-servizzi li se jagħti l-aġent maħtur biex jirreġistra dak l-investiment. Dawn is-servizzi ħa jħallas għalihom direttament il-Gvern. Iżda, fejn l-applikant jitlob servizzi li jmorru oltre mir-reġistrazzjoni imsemmija, bħal per eżempju il-valutazzjoni tal-investiment, allura f’dak il-każ min japplika jkollu jħallas miżata addizzjonali.
Se jinħarġu tlett kopji ta’ ċertifikat. L-oriġinal se jingħata lil min ikun se japplika, kopja oħra tinżamm għand l-aġent li qed jirreġistra u t-tielet kopja tintbagħat il-Bank Ċentrali ta’ Malta biex tkun arkivjata fis-Central Registration Certificate Depository. Dan iċ-ċertifikat ma jkunx trasferibbli.
Mar-reġistrazzjoni, dak li jkun qiegħed jirreġistra dawn l-investimenti taħt din l-iskema ikun eżentat minn kwalunkwe azzjoni retrospettiva daparti tal-Gvern fir-rigward tal-istess investiment għall-fini tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (Income Tax Act), u ta’ dik li qabel kienet l-Exchange Control Act. La darba persuna tirreġistra l-investiment tkun eżentata mill-ħlas ta’ kwalunkwe taxxa li kienet tkun dovuta fuq id-dħul sa dakinhar tar-reġistrazzjoni.
Barra dan, malli ssir ir-reġistrazzjoni, dawk li jirreġistraw l-investiment ikunu meqjusa bħal li kieku qatt ma kienu kisru r-restrizzjonijiet dwar il-Kontroll tal-Kambju fir-rigward tal-investiment li jkun reġistrat.
Ir-reġistrazzjoni tkun imħarsa b’kunfidenzjalità assoluta u l-aġenti maħtura għall-iskop ta’ reġistrazzjoni, kif ukoll il-Bank Ċentrali, ma jkunux jistgħu bil-liġi jagħtu informazzjoni li jkunu akkwistaw fil-proċess ta’ reġistrazzjoni. Sabiex tkun imħarsa din il-kunfidenzjalità, il-Bank Ċentrali qed jaddotta miżuri u proċeduri iebsa biex jiżgura il-kunfidenzjalità miġbura fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li allura jiġi depożitat fis-Central Registration Certificate Depository.
La d-Dipartiment tat-Taxxi Interni, u lanqas entità oħra, ma jista’ jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tkun għand l-aġenti tar-reġistrazzjoni u għand il-Bank Ċentrali. L-uniku mod li bih id-Dipartiment tat-Taxxi Interni jista’ jsir jaf dwar din l-informazzjoni tkun biss meta min għandu dawn l-investimenti reġistrati juri, fid-diskrezzjoni tiegħu, iċ-ċertifikat li jkollu għandu lill-Awtoritajiet tat-Taxxa sabiex dan jipprova li jkun irregolarizza il-pożizzjoni tiegħu. Dan jista’ jiġri f’każ meta dik il-persuna tkun investigata mit-Tax Compliance Unit dwar informazzjoni li tkun waslet mill-Awtoritajiet tat-Taxxa barra minn Malta taħt id-Direttiva tat-Taxxa fuq Dħul mill-Imgħaxijiet (Savings Tax Directive) jew taħt xi ftehim ieħor bilaterali ma’ l-Awtoritajiet tat-Taxxa ta’ pajjiżi oħra.
Linji gwida li qed jitħejjew mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni
Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni qiegħed iħejji sett ta’ linji gwida li eventwalment se jiġu ppublikati f’Avviż Legali taħt il-liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.
Dawn il-linji gwida li qed insemmi se jipprovdu it-tagħrif kollu meħtieġ kif ukoll il-proċeduri kollha li għandhom jitħarsu fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tat-Taxxa fuq Dħul mill-Imgħaxijiet (Savings Tax Directive) f’Malta. Fost dan it-tagħrif, hemm definizzjonijiet dwar:
- il-beneficial owners, jiġifieri dawk li qed jirċievu l-imgħaxijiet fuq investimenti li għandhom barra minn Malta;
- l-identità u r-residenza tagħhom;
- il-paying agents, jiġifieri l-istituzzjonijiet finanzjarji, Funds, Trustees, eċċ li jħallsu dawn l-imgħaxijiet;
- il-ħlasijiet infushom, jiġifieri x’jinkludu;
- l-informazzjoni li għandha tingħata dwarhom;
- il-ħarsien tat-taxxa doppja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946