LAQGĦA BEJN L-AWTORITAJIET MALTIN U L-KUMITAT TAS-SAJD TAL-PARLAMENT EWROPEW
Aspetti importanti tas-sajd f’Malta kienu diskussi waqt laqgħa bejn l-awtoritajiet Maltin u membri tal-Kumitat tas-Sajd tal-Parlament Ewropew li bħalissa jinsabu fuq żjara uffiċjali f’Malta.
Id-delegazzjoni Maltija, li tmexxiet mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino, u kienet tinkludi wkoll lis-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u Sajd Frans Agius, qanqlet diversi punti ta’ interess li jolqtu mill-qrib is-sajd f’pajjiżna. Fost l-oħrajn matul il-laqgħa kienu diskussi punti mportanti bħalma huma l-Fond Ewropew għas-Sajd, miżuri tekniċi għall-Mediterran u t-twaqqif ta’ Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd.
Fir-rigward tat-twaqqif ta’ miżuri tekniċi għall-Mediterran, id-delegazzjoni Maltija nsistiet dwar il-bżonn li jkun hawn fis-seħħ regolamenti komuni bil-għan li tabilħaqq jintlaħaq bilanċ li jwassal biex ikun żgurat sajd sostenibbli fl-ibħra li jdawwru lil pajjiżna. Matul il-laqgħa saret ukoll referenza għaż-żona ta’ konservazzjoni ta’ 25 mil li kienet innegozjata ma’ l-Unjoni Ewropea u li kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fil-Mediterran.
Id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew tmexxiet mill-Viċi President tal-Kumitat, Rosa Miguelez Ramoz, u kienet tinkludi wkoll 14-il deputat tal-Parlament Ewropew, fosthom id-deputat Malti David Casa. Matul il-laqgħa, d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew uriet l-apprezzament tagħha għas-sitwazzjoni partikolari tas-sajd f’Malta u wiegħdet l-appoġġ tagħha fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Intant, id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew kellha wkoll laqgħat separati ma’ sajjieda Maltin u Għawdxin li matulhom saru nterventi dwar diversi temi importanti li jolqtu mill-qrib lis-sajjieda.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946