Left arrow Mur Lura

IL-KUNSILL NAZZJONALI TA’ L-ILSIEN MALTI

PR0529
Date Icon 14/04/2005

Il-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti li għandu l-iskop li jippromwovi l-Ilsien Nazzjonali ta’ Malta u jipprovdi l-għodda meħtieġa għat-twettiq ta’ dan l-iskop, ġie mniedi dalgħodu mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha introduċa l-membri ta’ dan l-ewwel Kunsill.

Il-Professur Manwel Mifsud, li huwa ukoll il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, se jkun il-President tal-Kunsill filwaqt li Dr. Josette Attard ġiet maħtura Viċi-President. Hija wkoll se tkun qed tirrappreżenta lid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Il-membri huma Prof. Albert Borg (rappreżentant tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università), Dr. Ray Fabri (rappreżentant ta’ l-Istitut tal-Lingwistika fl-Università), is-Sur George Farrugia (rappreżentant ta’ l-Akkademja tal-Malti), Prof. Joe Friggieri (rappreżentant tal-Kunsill Malti ta’ l-Arti u l-Kultura), is-Sur Victor Cauchi (rappreżentant ta’ l-Avukat Ġenerali), is-Sur Joseph Borg (magħżul minn fost l-għaqdiet tal-Malti skond l-iskeda fil-Liġi) u s-Sur Mario Schiavone (rappreżentant ta’ l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin).  Dr. Charles Briffa, u Dr Simone Inguanez ġew maħtura bħala membri skond il-provvediment ta’ l-Artikolu 4(2)(b) ta’ l-Att li jwaqqaf il-Kunsill.

It-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti hu pass ieħor f’sensiela ta’ passi li qed jittieħdu biex l-Ilsien Malti mhux biss ikollu Liġi xierqa biex tirregolah imma wkoll għassies effettiv fil-forma ta’ Kunsill biex b’mod proattiv jassigura li l-Malti mhux biss jibqa’ ħaj iżda jkompli jiżviluppa u jimxi ’l quddiem. 

Kien f’Ottubru ta’ l-1989 li għall-ewwel darba kien tressaq abbozz ta’ liġi msejjaħ Att biex isaħħaħ il-qagħda ta’ l-ilsien Malti u l-identità nazzjonali Maltija li kien qanqal dibattitu parlamentari interessanti li iżda, baqa’ ma sarx liġi. F’Diċembru ta’ l-1994 twaqqaf il-Bord ta’ l-Ilsien Malti biex jistudja l-problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom l-ilsien Malti, iħejji l-istruttura meħtieġa għall-ħarsien tal-Malti, anki permezz ta’ leġislazzjoni, ifassal strateġija xierqa biex il-Malti jafferma ruħu u jiġi ’l quddiem skond pjan ta’ żvilupp maħsub.  Dan il-bord ħadem taħt żewġ amministrazzjonijiet tal-pajjiż u tliet Ministri ta’ l-Edukazzjoni differenti sakemm f’Mejju ta’ l-2001 temm il-ħidma tiegħu.  

Saret konsultazzjoni pubblika wiesgħa anki permezz ta’ seminars nazzjonali u fejn saru suġġerimenti li eventwalment ġew riflessi fil-liġi li tressqet mill-ġdid fil-Parlament.  Il-Liġi ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fit-18 ta’ Novembru 2003.

Il-Ministru Louis Galea qal li permezz tal-Kunsill l-ilsien Malti qed ikompli jissaħhaħ bħala parti essenzjali mill-wirt nazzjonali, kif ukoll bħala l-għodda l-aktar demokratika biex il-poplu jesprimi lilu nnifsu. Huwa qal li l-Kunsill li qed jitwaqqaf illum se jkollu l-funzjoni li jwettaq pjan ta’ ħidma biex l-ilsien nazzjonali jkompli javvanza u jissaħħaħ fl-edukazzjoni, fix-xandir u fl-istampa, fil-qrati u fil-ħajja politika, amministrattiva, ekonomika, soċjali u kulturali fil-pajjiż. Qal ukoll li l-Kunsill se jkun wieħed awtonomu f’dak kollu li għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-lingwa Maltija.

Il-Ministru Galea fakkar li pajjiżna għandu l-iżgħar popolazzjoni li għandha l-lingwa tagħha rikonoxxuta uffiċjalment mill-Unjoni Ewropea li fiha hu kalkolat li jeżistu aktar minn 255 ilsna differenti.  Il-Malti rnexxielu jikseb għarfien akbar minn diversi lingwi oħrajn mitkellma minn wisq aktar nies bħal per eżempju l-Katalan, li hu mitkellem minn aktar minn 7 miljun persuna.  Dan il-fatt, qal il-Ministru Galea għandu jħeġġiġna biex dak li akkwistajna mad-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju tas-sena l-oħra, li l-Malti sar ilsien uffiċjali ta’ l-Unjoni, nibżgħu għalih.

Il-Professur Mifsud qal li dan huwa pass ieħor fil-maturazzjoni ta’ l-ilsien Malti għaliex issa mhumiex biss l-għaqdiet volontarji li lesti li jagħtu sehemhom imma huwa l-Istat li qiegħed jimpenja ruħhu favur l-Ilsien Nazzjonali. Il-Kunsill se jipprova jgħaqqad il-ħidma kbira li qed issir fl-iżolament u jindirizzaha skond pjan miftiehem. Il-Professur Mifsud tenna li l-Kunsill għandu jkun viżibbli u punt ta’ riferiment dwar il-lingwa u l-letteratura Maltija. Huwa rringrazzja lil kull min kien responsabbli nkluż il-Parlament li kkontribwixxa b’diskussjoni matura dwar il-liġi u billi finalment approvaha unanimament bħala Liġi.  Qal li l-Kunsill biħsiebu jaħdem f’diversi oqsma importanti li jinkludu l-medja, l-ortografija, il-letteratura, ir-riċerka lingwistika, l-iżvilupp tal-Malti fl-informatika u b’mod mhux inqas urġenti it-terminoloġija u t-traduzzjoni.

Il-Kunsill, ser ikollu Direttur Eżekuttiv li għad irid jinħatar kif ukoll staff ieħor biex ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu.  Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-kwistjonijiet ta’ natura tekniko-xjentifika jidħlu fis-seħħ bis-saħħa ta’ avviż pubblikat mill-Kunsill fil-Gazzetta tal-Gvern.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow