IL-PROĠETT GĦAT-TISBIĦ TAL-BAJJA TA’ SAN ĠORĠ WASAL BIEX JITLESTA
Il-proġett għat-tisbiħ u l-mili mill-ġdid bir-ramel tal-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan issa daħal fl-aħħar fażi tiegħu u mistenni jitlesta sas-sajf li ġej.
Il-proġett, li b’kollox se jiswa Lm550,000, beda fi Frar tas-sena l-oħra meta nġiebu Malta mill-Ġordan 7,000 tunnellata ramel li nfirxu fuq il-bajja, li mhux biss kibret iżda anke ssebħet. Inbena wkoll storm water culvert fuq il-lemin tal-bajja u beda jitwettaq l-immaniġġjar tal-bajja mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu.
Din is-sena qed titwettaq it-tieni parti tal-proġett. Inbena storm water culvert fuq in-naħa tax-xellug tal-bajja biex ikun żgurat li r-ramel jibqa’ f’postu. Inbena wkoll gandott li jgħaqqad iż-żewġ culverts. Ix-xogħlijiet ta’ landscaping tal-promenade huma ppjanati li jsiru bejn issa u Ġunju. Fil-fatt għadhom kif ingħataw l-offerti għat-tikħil, żebgħa, railings, dwal, tħawwil ta’ siġar u bankijiet. Darba jitlesta, dan il-promenade jgħaqqad il-bankini fuq kull naħa tal-bajja u jipprovdi għal passiġġjata tul il-bajja mingħajr il-biża’ mit-traffiku, minħabba li mhux se jitħalla jsir aktar parkeġġ fuq in-naħa tal-baħar tat-triq.
Fil-15 ta’ Frar ħarġet sejħa għal offerti għall-għoti b’ċens temporanju għal 50 sena ta’ catering outlet fuq żewġ siti fil-bajja. Din is-sejħa għalqet fit-3 ta’ Marzu.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech żar ix-xogħlijiet li qed isiru fil-bajja. Hu qal li minkejja li kienet l-ewwel sena u x-xogħol kien għadu ma tlestiex, ir-riżultati kienu pożittivi ħafna. “Ir-riżultati kienu ta’ benefiċċju sew mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali. L-ogħla numru ta’ dawk li għamlu użu minn din il-bajja kien f’Awissu 2004, meta fuq medja kienu jużaw din il-bajja 700 persuna f’ħin wieħed, bl-ogħla ċifra tintlaħaq fil-festa ta’ Santa Marija b’950 persuna. Jidher ukoll li matul is-sajf kien hemm 65 fil-mija turisti u 35 fil-mija Maltin li użaw il-bajja,” qal il-Ministru Francis Zammit Dimech.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech żied li matul is-sajf li għadda din il-bajja ġiet immaniġġjata skond l-aħjar prattiċi internazzjonali, b’superviżjoni kontinwa, tindif, provediment ta’ toilets, l-ewwel għajnuna, separazzjoni ta’ l-iskart u ittestjar regolari għall-kwalita’ ta’ l-ilma baħar. “Dan il-proġett ippreżentalna l-opportunita’ li naħdmu fuq public private partnership, li fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu aktar sostenibbli.
Għalhekk il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura flimkien mad-Dipartiment ta’ l-Artijiet ħarġu offerta għall-iżvilupp u l-operazzjoni ta’ catering outlet u faċilitajiet oħra. L-offerta stabbiliet ħlas sinifikanti annwali li l-operatur jrid jagħmel lill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu minbarra l-kera ta’ l-art. Din tissussidja l-ispiża biex tkun immaniġġjata l-bajja,” tenna l-Ministru Zammit Dimech, li żied li b’dan il-mod l-MTA tobbliga lilha nnifisha li tkompli tipprovdi l-immaniġġjar tal-bajja fuq l-istess linji tas-sajf li għadda.
Kien hawnhekk li l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura ħabbar li din l-offerta ngħatat u li kien jittama li x-xogħol – li jikkonsisti f’faċilita’ ta’ catering, toilets, showers u kiosk żgħir f’nofs il-bajja kif ukoll uffiċċju għall-immaniġġjar tal-bajja u l-ewwel għajnuna – jibda f’qasir żmien.
“Il-pajjiż jrid ikompli jiġbed lejh aktar turisti mhux biss billi jkollna lukandi u stabbilimenti ta’ l-ikel mill-aqwa iżda anke billi nkomplu ntejjbu l-infrastruttura u nsebbħu lil Malta u Għawdex kollha,” qal il-Ministru Francis Zammit Dimech. Hu qal li min iżurna mhux daqshekk ta’ spiss jinnota d-differenza li jara f’pajjiżna li qed jinbidel għall-aħjar u jsir aktar modern.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946