Left arrow Mur Lura

JITFAKKAR L-ISTUDJUŻ ĠUŻÈ CASSAR-PULLICINO

PR0520
Date Icon 14/04/2005

Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni organizza serata mużiko-letterarja fiċ-Ċentru Robert Samut b’tifkira għal Ġużè Cassar-Pullicino, studjuż ewlieni tal-folklor u l-kitba tal-Malti, li miet xahar ilu, fit-13 ta’ Marzu 2005.  Il-Ministeru organizza wkoll wirja ta’ Kotba u Dokumenti ta’ Cassar-Pullicino bil-kollaborazzjoni tal-Biblijoteka Nazzjonali.  

Ġużè Cassar-Pullicino twieled Birkirkara fil-21 ta’ Settembru 1921 u daħal fis-servizz ċivili fl-1940 minn fejn irtira bħala Direttur fil-Ministeru ta’ l-Industrija fl-1979. Għamel żmien bħala Biblijotekarju fil-Fakultà tat-Teoloġija (Il-Fondazzjoni ta’ l-Istudji Teoloġiċi). Ingħata borża ta’ studju mill-British Council għat-taħriġ bħala Biblijotekarju f’Leeds u Londra (1950); inħatar Associate of the Library Association (1952); membru ta’ l-Akkademja tal-Malti u membru tal-Kunsill tagħha (1942-45) u ta’ l-Għaqda tal-Malti (Universita`); Assistent Editur tal-Melita Historica (1952-61); u editur tal-Maltese Folklore Review (1962-73).   

Kien ukoll President Onorarju tal-Għaqda tal-Folklor (1965-2005); membru tal-Kunsill ta’ Din l-Art Ħelwa (1965-67); tal-Folklore Society ta’ Londra (1962-2005) u ta’ l-International Society for Folk-Narrative Research ta’ Pariġi (1962-2005). Ħa sehem u qara xi studji f’diversi kungressi internazzjonali f’Malta, Kiel, Copenhagen, Katanja, Ġirba (it-Tuneżija) u l-Kanada.  

Ġużè Cassar-Pullicino ngħata l-Medalja tal-Meritu tal-Fidda mill-Konfederazzjoni tal-Kunsilli Ċiviċi (1970); rebaħ il-Malta Government Prize għall-aħjar ktieb maħruġ fl-1974; il-Premju Letterarju għal xogħol oriġinali ta’ riċerka dwar Ġużè Muscat-Azzopardi (1978); il-Malta Literary Award (1979); il-Premio Città di Valletta (1989); mogħti l-Grad ta’ Master of Philosophy (Hons. Causa) mill-Università ta’ Malta (1993) u l-Medalja għall-Qadi tar-Repubblika ta’ Malta (1993).

Cassar-Pullicino, meqjus bħala studjuż ewlieni tal-folklor u l-kitba tal-Malti, ħareġ bosta pubblikazzjonijiet: Kelma Waħda Biss (1971); Aquilina u l-Malti (1974); Ġużè Muscat-Azzopardi: Studji (1991); Kitba u Kittieba tal-Malti – 3 vol. (1962-64); Dun Karm: tagħrif ġdid u noti kritiċi (1985); Poeżiji ta’ Ġorġ Zammit: noti kritiċi (1985); Ġużè Ellul Mercer: il-kitbiet miġbura, l-ewwel ktieb (1985); Malta fis-Seklu Tmintax: xi djarji Maltin ta’ l-Imgħoddi (1981); An Introduction to Maltese Folklore (1947); Ħaġa Moħġaġa 4 vol. (l-1el ed. 1957-59; it-2ni ed. miżjuda 2003); Il-Folklor Malti (l-1el ed. 1960; it-2ni ed. miżjuda 1975); Stejjer ta’ Niesna (1962); Il-Bennejja tal-Folklor Malti (1964); Studies in Maltese Folklore (1976); Skunġrar u Orazzjoni fil-Poeżija Popolari Reliġjuża f’Malta (1981); Studi di tradizioni popolari Maltesi (1989); L-Imgħoddi tal-Ġens Tagħna: Bejn Storja u Folklor (1990); Ħżuż Manwel Magri: Ktieb tan-Notamenti dwar il-Folklor Malti (1991); Kitba bil-Malti sa l-1870 (2001) u Aktar Kitba bil-Malti tas-Seklu 19 (2002).  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow