IPPREŻENTAT IL-PJAN T’AZZJONI GĦALL-PROĠETT TAD-DWEJRA
L-ewwel abbozz tal-Pjan t’Azzjoni għall-proġett ta’ Heritage Park għall-inħawi tal-Qawra u d-Dwejra f’Għawdex ġew ippreżentati dalgħodu, biex b’hekk infetaħ proċess ta’ konsultazzjoni għal perijodu ta’ 6 ġimgħat. Dan l-abbozz jinkludi proposti ta’ 25 miżura li jridu jittieħdu sabiex din iż-żona tikseb il-livelli mixtieqa ta’ protezzjoni ambjentali u wirt kulturali. Dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat in parti mill-Unjoni Ewropea taħt il-LIFE Third COUNTRIES scheme.
Il-preżentazzjoni ta’ dan l-abbozz ta’ Pjan t’Azzjoni issegwi t-twaqqif tad-Dwejra Steering Committee li sar is-sena li għaddiet. Dan il-kumitat jinkludi rappreżentanti tal-Ministeru għal Għawdex, tal-Malta Environment and Planning Authority (MEPA), tal-Kunsill Lokali San Lawrenz, kif ukoll ta’ Nature Trust (Malta).
Dan il-proġett, inizjalment sottomess min-Nature Trust (Malta) għall-fondi mill-Unjoni Ewropea, kien wieħed mill-ħmistax-il proġett magħżula mill-istess Unjoni, wara li ġew sottomessi 107 proġetti. L-implimentazzjoni tiegħu bdiet f’April 2004. Matul din l-aħħar sena, saru diversi studji ekoloġiċi minn grupp ta’ esperti li ġew maħtura apposta sabiex jevalwaw l-ambjent naturali fuq l-art u l-baħar ta’ dawn l-inħawi. Saru wkoll diversi laqgħat mal-partijiet konċernati fejn ġew diskussi problemi u saru wkoll rakkomandazzjonijiet dwar dan is-sit. Fuq bażi ta’ dan, l-iSteering Committee fassal dan l-ewwel abbozz tal-Pjan t’Azzjoni li ġie ppreżentat illum.
L-għan ta’ dan il-Pjan t’Azzjoni huwa l-ħolqien ta’ heritage park b’mod ibbażat fuq il-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha konċernati. L-għanijiet m’humiex biss marbuta ma’ konservazzjoni tas-sit imma wkoll jinkludu għanijiet edukattivi kif ukoll ħidmiet ekonomiċi bħal agrikoltura u l-eko-turiżmu. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Kumitat tat-Tmexxija ppropona 25 miżura li jkopru dawn il-fatturi:
1. il-kostruzzjoni u operazzjoni ta’ Ċentru Interpretattiv;
2. l-immaniġġjar tal-boathouses fil-Qawra u l-inħawi ta’ madwarhom;
3. it-titjib tal-kappella ta’ Sant’Anna;
4. l-immaniġġjar tal-parking;
5. l-użu ta’ materjal adegwat għall-uċuħ tat-toroq u car parks;
6. il-konservazzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ;
7. l-użu u l-immaniġġjar tat-Torri tal-Qawra;
8. it-teħid u t-twettieq ta’ deċiżjonijiet konkreti dwar il-konservazzjoni ta’ l-attrazzjoni
magħrufa bħala t-Tieqa;
9. it-teħid u t-twettieq ta’ deċiżjonijiet dwar il-barrieri li jinsabu fis-sit;
10. l-immaniġġjar tat-turiżmu;
11. il-potenzjal tas-sit għall-mixjiet fin-natura;
12. l-immaniġġjar ta’ ankrar fil-baħar;
13. it-teħid ta’ żjut u fuel minn dgħajjes;
14. prekawzjonijiet biex titħares is-saħħa pubblika;
15. ir-restawr ta’ siti degradati;
16. l-immaniġġjar ta’ provvista ta’ ilma u drenaġġ;
17. l-użu ta’ teknoloġiji ta’ enerġija bbażati fuq ix-xemx;
18. l-immaniġġjar ta’ speċi aljeni u nvażivi ta’ flora u fawna;
19. l-immaniġġjar ta’ viżitaturi;
20. il-provvista ta’ fondi;
21. attivitajiet ta’ climbing, abseiling u biking (bir-rota biss);
22. l-attivita’ ta’ l-għaddasa;
23. pubbliċita’ dwar il-park;
24. l-immaniġġjar tat-traffiku; u,
25. l-ikkampjar.
Il-proġett jaħseb għat-twaqqif ta’ żoni ta’ mmaniġġjar differenti, kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar, li ser igawdu livelli differenti ta’ protezzjoni. Ser isiru wkoll sforzi biex il-valur ta’ dan is-sit jiġi rikonoxxut fuq livelli nternazzjonali, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq livell dinji.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, iddeskriviet din l-aħħar sena bħala esperjenza mill-iktar pożittiva fejn il-Gvern u l-organizzazzjoni Nature Trust (Malta) ħadmu mill-qrib ħafna sabiex ippreparaw dan il-Pjan t’Azzjoni. Il-Ministru Debono enfasizzat il-fatt li dan l-abbozz ġie bbażat fuq diskussjoni miftuħa mal-partijiet konċernati kollha li ġew ikkonsultati matul din l-aħħar sena.
L-Onor. Giovanna Debono spjegat ir-rwol tal-Ministeru għal Għawdex f’dan il-proġett li qiegħed isir f’żona li taqa’ parzjalment taħt ir-responsabilita’ ta’ l-istess Ministeru. Il-Ministru Debono spjegat kif, fejn possibbli, ir-riżorsi tal-Ministeru għal Għawdex se jiġu ndirizzati lejn dan il-proġett sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tiegħu. L-Onor. Debono rreferiet ukoll għall-kunsiderazzjoni li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jagħti lil dawn iż-żoni speċjalment b’riferenza għall-perijodu ta’ wara l-fażi ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.
Il-Ministru Debono espremiet pubblikament l-apprezzament tagħha lil Nature Trust (Malta) għall-interess li ħadet f’din iż-żona ta’ Għawdex li hija partikolarment sinjura mil-lat ekoloġiku, ġeoloġiku u estetiku, kif ukoll talli rnexxielha takkwista fondi mill-Unjoni Ewropea speċifikament għad-Dwejra. Il-Ministru Debono qalet li d-Dwejra hija żona mill-iktar importanti għat-turiżmu t’Għawdex u li ta’ kuljum iżuruha proporzjon sostanzjali tat-turisti tal-gżira kif ukoll Għawdxin minħabba xogħol jew rikreazzjoni. Hija qalet li dawn l-inħawi t’Għawdex huma wkoll fost l-ikbar attrazzjonijiet tal-gżira għall-industriji ċinematografiċi jew televiżivi.
Il-Ministru għall-Ambjent u Affarijiet Rurali, l-Onor. George Pullicino, qal li dan l-abbozz tal-Pjan t’Azzjoni ġie maqbul mhux biss mill-Kumitat ta’ Tmexxija tad-Dwejra imma wkoll mill-Bord tal-MEPA, li se jevalwa l-kummenti li jaslulha mill-pubbliku in ġenerali sa tmiem is-sitt ġimgħat ta’ konsultazzjoni pubblika.
Il-Ministru Pullicino spjega kif dan il-proġett huwa l-aqwa eżempju ta' kif pajjiżna jista' jibbenefika minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea għat-titjib fl-ambjent ta' pajjiżna. Huwa faħħar is-sehem ta' għaqdiet volontarji, bħalma hi n-Nature Trust (Malta), li tuża l-isforzi u l-kuntatti tagħha biex jinkiseb finanzjament bħal dan li tant hu importanti għal pajjiżna.
Il-Ministru Pullicino qal li, fuq kollox, dan l-iżvilupp jikkonferma li l-Gvern u l-Għaqdiet mhux Governattivi jistgħu jaħdmu flimkien għall-ġid ta' pajjiżna. Huwa stqarr li dan jikkonferma wkoll l-importanza li jkollna aktar sforzi mis-soċjeta’ in ġenerali biex mhux nikkritikaw biss imma nagħmlu wkoll azzjoni konkreta għal ambjent aħjar.
Is-Sindku ta’ San Lawrenz Noel Formosa, il-President ta’ Nature Trust (Malta) Vincent Attard kif ukoll rappreżentant tal-MEPA Chris Attard indirizzaw it-tnedija.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa miftuħ għal 6 ġimgħat. F’dan il-perijodu, ser isiru laqgħat speċifiċi mar-residenti ta’ San Lawrenz u l-Għarb, kif ukoll mal-partijiet kollha konċernati u l-pubbliku b’mod ġenerali, fl-ewwel ġimgħa ta’ Mejju. Kopji tal-Pjan t’Azzjoni jistgħu jinkisbu mill-uffiċċju prinċipali tal-MEPA wara ħlas ta’ Lm30, jew jiġu downloaded mis-sit www.mepa.org.mt. Kopji ta’ leaflet ta’ informazzjoni bil-Malti, li jiġbor fih il-punti ewlenin tad-dokument, jistgħu jinkisbu mill-Ministeru għal Għawdex, mill-uffiċċji tal-MEPA f’Għawdex u f’Malta, kif ukoll mill-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali ta’ San Lawrenz u l-Għarb. Il-kummenti jistgħu jaslu għand il-MEPA sa mhux iktar tard mill-24 ta’ Mejju.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946