Left arrow Mur Lura

PJAN DWAR L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI U PROĠETT TAL-FOND SOĊJALI EWROPEW DWAR IĊ-CHILDCARE

PR0510
Date Icon 12/04/2005

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (KXT/ETC) nidew it-Tieni Pjan dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi.  Il-Pjan, mifrux fuq l-2005-2006, ikompli fuq is-suċċess tal-Pjan għall-aħħar sentejn li kien rikonoxxut mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bħala eżempju ta' l-aħjar prattiċi fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi.  

L-ugwaljanza bejn is-sessi hija waħda mil-linji gwida tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għax-Xogħol.  

It-taqsima ta’ l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Gender Equality Unit) tal-KXT, li fformulat il-pjan, qalet li "rnexxielha twettaq il-parti l-kbira ta’ l-inizjattivi meħuda fl-ewwel Pjan". Dan inkluda studji, taħriġ, kampanji ta’ informazzjoni u diversi proġetti lokali kollha mmirati biex iħeġġu bilanċ aħjar bejn il-ħajja tal-familja u tax-xogħol u l-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol.  It-tieni Pjan dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jaħseb biex ikompli jsaħħaħ ir-riżultati miksuba fit-twettieq ta’ l-ewwel pjan b'diversi programmi u inizjattivi matul is-sentejn li ġejjin.  

L-inizjattivi u l-programmi għas-sena  2006 jinkludu wkoll il-ħruġ ta' linji gwida għall-ġurnalisti biex jkunu aktar konxji tal-mod kif għandhom jipproġettaw id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa fil-medja. Dan se jsir b'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta' l-Ugwaljanza.  Inizjattiva oħra hija Konferenza dwar in-Nisa u x-Xogħol fl-Ewropa tan-Nofsinhar matul l-2006.  

Waqt l-istess konferenza stampa, il-Ministru Galea żar il-faċilitajiet ta’ childcare li għandha l-KXT f’Ħal Far.  Waqt din iż-żjara l-Ministru nieda proġett ieħor li se tkun qed twettaq il-KXT fix-xhur li ġejjin.  Dan il-proġett bl-isem ta’ "Iż-żieda tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-post tax-xogħol permezz ta' servizzi ta' childcare" huwa proġett finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew u l-Gvern Malti.  Il-proġett, li jiswa madwar miljun Euro, jaħseb għal numru ta' inċentivi lil min iħaddem biex jiftaħ ċentri ta' childcare fil-post tax-xogħol; biex permezz tat-taħriġ jiżdied in-numru ta' ħaddiema professjonali fiċ-childcare, u biex aktar nisa jinżammu fis-suq tax-xogħol.  Il-mira ta’ dan il-proġett hi li fis-sentejn li ġejjin jinfetħu mas-60 ċentru ġdid b’120 carer li joffru servizzi lil madwar 600 tifel u tifla u l-ġenituri tagħhom.  L-iskop ewlieni hu li madwar 400 mara tinżamm jew tirritorna fil-post tax-xogħol.  

Waqt li kien qed jindirizza l-istampa l-Ministru Louis Galea qal li l-oqsma taċ-childcare u ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi, huma żewġ oqsma importanti fil-ħajja tal-lum.  “Ilum, il-ħajja żviluppat b’mod fejn il-familji tagħna qed jagħmlu għażliet ta’ stil ta’ ħajja mhux biss skond ir-responsabbiltajiet tagħhom, imma wkoll għażliet li jgħinuhom jiżviluppaw bħala individwi u bħala ċittadini.”   

Hu qal li għal ħafna ġenituri, deċizjoni importanti hi ma’ min se jafdaw lil uliedhom waqt li jkunu x-xogħol.  S’issa ħafna familji kellhom appoġġ tan-nanniet u l-qraba.  Kull ma jmur dan m’għadhux qed ikun possibbli.  “Li cittadin ikollu aċċess għal servizz ta’ childcare ta’ kwalità huwa fattur importanti għas-saħħa tal-komunità li jgħix fiha l-individwu.  Ir-riċerka u l-esperjenza turi li childcare ta’ kwalità jista’ jagħti kontribut pożittiv lit-tfal tant li aktar tard fil-ħajja jmorru aħjar fl-iskola u meta jikbru jkunu jistgħu jagħtu kontribut aktar pożittiv fuq il-post tax-xogħol u anke fl-imġieba tagħhom.”  

Il-Ministru qal li f’dawn l-aħħar snin żdied b’mod sostanzjali l-ammont ta’ nisa li qed jibqgħu jaħdmu u fis-snin li ġejjin dan mistenni jkompli jikber partikolarment jekk pajjiżna jrid isostni t-tkabbir ekonomiku li hu mistenni.  L-Unjoni Ewropea tagħraf li biex dejjem tiżdied l-ugwaljanza bejn is-sessi u biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, huwa importanti, fost affarijet oħra, li familja jkollha l-opportunità li tagħmel użu minn servizzi tajbin u ta’ kwalita ta’ childcare.  Il-miri ta’ Lisbona huma ċari f’dan ir-rigward u speċifikament ġew imfassla miri għall-provediment ta’ dan is-servizz.  

Mod kif tista’ tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fuq il-post tax-xogħol hu li jkunu provduti faċilitajiet fejn it-tfal jirċievu l-attenzjoni meħtieġa.  Ir-realtà qed turi li jekk kumpanija jew organizzazzjoni tinvesti f’faċilitajiet ta’ ‘childcare’ hemm ċans akbar li jiżdiedu l-ħaddiema nisa f’dan is-settur u li n-nisa jdumu aktar fl-istess impjieg.   

Louis Galea qal li l-Gvern qed iħares ukoll b’lenti differenti lejn il-kunċett ta’ l-edukazzjoni bikrija.  “Huwa ċar li l-edukazzjoni trid tibda mit-twelid peress li l-ewwel snin huma kruċjali fl-iżvilupp tal-bniedem.  Numru ta’ ġenituri jiddeċiedu li jixtiequ jkomplu bil-karriera tagħhom u għalhekk huwa importanti li jkollhom moħħom mistrieħ li t-tfal tagħhom qegħdin jattendu ċentri ta’ kwalità.  Għaldaqstant bħalissa l-Gvern qed iħejji sensiela ta’ standards biex tiġi assigurata l-kwalità tal-faċilitajiet biex dejjem noffru lil uliedna ambjent b’sigurtà, kura professjonali u attivitajiet li jgħinu fl-iżvilupp edukattiv tagħhom.”  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow