KORS ĠDID GĦALL-ASSISTENTI KAPIJIET TA’ L-ISKEJJEL
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea inawgura kors li qed isir għall-Assistenti Kapijiet ta’ l-Iskejjel ta’ Malta u Għawdex. Il-Kors ta’ erbat ijiem li għandu l-iskop li jtejjeb il-kwalità tat-tmexxija ta’ l-iskejjel, qed ikun organizzat fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu mid-Dipartiment ta’ l-Operat fi ħdan id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.
Il-Kors jinkludi sessjonijiet dwar ir-role ta’ l-assistenti kapijiet fit-tmexxija ta’ l-iskola u l-appoġġ li għandu jingħata lill-għalliema speċjalment dawk ġodda; dwar l-iskola u l-ambjent skolastiku u edukattiv; dwar l-identifikar tal-prioritajiet għal kull skola; dwar il-kwalita’ u kif din tista tiġi evalwata u mqabbla; dwar il-performance management; dwar il-finanzi u l-accounts ta’ l-iskejjel; dwar is-School Information System; dwar servizzi li toffri d-diviżjoni inkluż guidance u counselling, servizzi ta’ social work, servizzi psikoloġiċi u mediċi, servizz tal-libreriji, servizzi kontra l-abbuż tat-tfal, bullying u abbuż minn sustanzi perikolużi, servizzi ta’ terapija permezz ta’ l-arti u oħrajn.
Il-Ministru Galea faħħar din l-inizjattiva għax jemmen bi sħiħ li t-taħrig hu essenzjali fl-iżvilupp professjonali ta’ kull edukatur bl-iskop li tingħata edukazzjoni ta’ kwalità. Il-Ministru staqsa x’inhuma l-ingredjenti meħtieġa biex l-iskejjel tagħna jkunu skejjel ‘tajbin’
“Mill-lenti tal-ġenitur, skola tajba ħafna drabi tkun skola li għandha tmexxija serja, tmexxija organizzata u tmexxija ta’ dixxiplina. Il-ġenitur ħafna drabi jqis l-iskola bħala tajba jekk jara lil ibnu jew lil bintu sejra kuntent/a fi skola fejn hemm serjetà, kooperazzjoni u fejn l-iskop ta’ kulħadd ikun biex it-tfal jimxu ‘l quddiem skond il-kapaċitajiet u l-potenzjal tagħhom.
Mil-lenti ta’ l-istudent skola tajba tista’ tfisser ħafna affarijiet. Imma ħafna tfal jgħiduli li l-iskola tagħhom hija tajba għaliex mhux kulħadd jagħmel li jrid, iħossuhom rispettati u maħbubin mit-tmexxija u l-għalliema ta’ l-iskola u jaraw li qegħdin jitgħallmu affarijiet li huma relevanti għalihom filwaqt li jingħataw ukoll l-ispazju biex jagħmlu affarijet ta’ divertiment.
Mil-lenti ta’ l-għalliem serju, skola tajba ħafna drabi tfisser skola fejn wieħed jista’ jiġi jagħmel ġurnata xogħol f’ambjent fejn iħoss li l-professjoni tiegħu qed tiġi rrispettata, fejn għandu r-riżorsi meħtieġa biex jaħdem, fejn hemm dixxiplina fuq kulħadd li tippermetti li l-lezzjonijiet jingħataw sew u fejn ukoll jingħata l-widen għall-opinjonijiet tiegħu u anke l-ispazju biex jieħu l-inizjattivi.”
Il-Ministru sostna li tisma’ lil min tisma’, skola tajba ħafna drabi hija marbuta ma’ tmexxija tajba u għalhekk ir-rwol tat-tmexxija huwa rwol importanti mmens li jagħmel id-differenza bejn skola tajba u dik li mhux qed tilħaq il-livell mixtieq.
Louis Galea qal li importanti naraw x’qed nifhmu b’edukazzjoni ta’ kwalita’. Hu qal li l-ewwelnett kulħadd irid iħoss li hu responsabli mill-proċess edukattiv ta’ kull student. “Ma nistgħux nibqgħu bil-mentalità li r-responsabbiltà nibqgħu nitfgħuha fuq ħaddiehor; l-istudent, l-għalliema, il-ġenituri, il-Kap, id-dipartiment, il-Ministru, eċċ. Kulħadd huwa responsabbli għall-programm edukattiv tat-tfal u jekk xi ħadd ma jirnexxix hija r-responsabbiltà tagħna lkoll.” Hu tenna li dan is-sens ta’ responsabbiltà jġib miegħu bdil f’diversi oqsma; bdil fit-tmexxija ta’ l-iskola, bdil fis-‘school development planning’, bdil fil-provizjoni tal-kurrikulu u bla dubju bdil fil-mod kif ngħallmu.
Il-Ministru ħeġġeġ lill-assistenti kapijiet biex jistaqsu x’jistgħu jagħmlu biex kull student jilħaq il-milja tiegħu/tagħha. “X’irridu nbidlu fil-mod kif qed ngħallmu u mmexxu biex l-ambjent ta’ l-iskola jiffavorixxi t-tagħlim? X’appoġġ nistgħu nagħtu aktar lill-kommunita’ ta’ l-iskola? Kif nistgħu nagħmlu biex kull skola tibda toffri tagħlim addattat għall-istudent, dejjem fil-qafas tal-kurrikulu nazzjonali?”
Il-Ministru temm jgħid li jekk flimkien jirnexxielna ntejbu l-kwalità ta’ edukazzjoni li nagħtu lill-istudenti, mhux biss inkunu qegħdin nagħtuhom dak li għandhom dritt għalih, imma wkoll nkunu qed ntejbu l-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna. Huwa għalhekk kruċjali li b’impenn, b’kreattività, b’kommunikazzjoni u b’rieda ta’ bidla nidħlu għat-tibdil fis-sistema edukattiv li huwa meħtieġ għal din il-qabża fil-kwalità. “Kull wiehed u wahda minna qed jigi mistieden biex flimkien nesploraw metodi oħra ta’ ħidma, ta’ operat u anke ta’ ħsieb. Ir-responsabbiltà tagħna hija kbira, imma nemmen li flimkien naslu biex nagħtu esperjenza edukattiva li ttejjeb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.”
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946