KTIEB DWAR IS-SĦUBIJA TA’ MALTA FL-UE
Miranda Publishers, magħrufa għas-serje ta’ kotba popolari f’format ta’ 360º, ippubblikaw il-ktieb “Welcome Malta to Europe 360º” biex ifakkru l-ġrajja storika tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Il-ktieb, li minnu ġew ippubblikati biss 3,000 kopja numerati, jikkonsisti minn 126 paġna u 155 ritratt li jmorru lura għall-ewwel episodju fir-rabta ta’ pajjiżna ma’ l-Unjoni Ewropea, jigifieri l-iffirmar fl-1970 mill-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni ta’ Malta mal-Komunita’ Ekonomika Ewropea. Il-ktieb fih ukoll l-applikazzjoni ta’ Malta fl-1990 għal sħubija fl-Unjoni Ewropea minn Guido de Marco bħala Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin, u sensiela ta’ ritratti mill-isbaħ taċ-ċelebrazzjonijiet tas-sħubija ta’ Malta fl-UE fl-1 ta’ Mejju 2004.
Tony Aquilina u Eddie Aquilina, diretturi ta’ Miranda Publishers, ippreżentaw kopja ta’ dan il-ktieb lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech li hu wieħed minn dawk li kkontribwixxa kitba għal dan il-ktieb.
“Kotba bħal Welcome Malta to Europe 360ºjagħmlu parti essenzjali mill-istorja ta’ pajjiżna għaliex jagħtu rendikont ta’ ġrajjiet artna. L-istorja tagħna tagħżilna minn ġnus oħra u kienet ingredjent essenzjali biex sirna stat Sovran u indipendenti,” qal il-Ministru Zammit Dimech. Qal ukoll li kieku ma kienx għal nies bħall-aħwa Aquilina kieku pajjiżna ma kienx ikollu xogħlijiet hekk sbieħ ta’ fotografija u storja miġbura flimkien. Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzjahom għal din l-inizjattiva tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946