JINBEDA XOGĦOL TA’ BINI TA’ PROMENADE ĠDID FIX-XEMXIJA
Ingħata bidu għat-tieni fażi ta’ tisbiħ tal-promenade tax-Xemxija. Filwaqt li l-ewwel fażi ta’ dan il-promenade sar minn kuntrattur privat, it-tieni fażi tal-proġett qiegħda titwettaq mill-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Bis-saħħa tal-ftehim milħuq bejn il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar u l-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura, il-Kunsill se jiffranka madwar Lm35,000 fi spejjeż ta’ fattura. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta żar dawn ix-xogħlijiet. Ix-xogħol fuq din il-fażi tal-proġett jikkonsisti f’bini mill-ġdid tal-promenade kemm in-naħa tal-baħar kif ukoll in-naħa ta’ ġewwa tat-triq.
Ix-xogħlijiet jinkludu l-kostruzzjoni ta’ bankini ġodda bil-pavimentar, railings tal-ħadid, pipe culverts bil-catchments għal immaniġġjar ta’ l-ilma tax-xita u żona ta’ parkeġġ għal vetturi b’aċċess minn Triq Pwales. Se jsir ukoll allinjament ġdid tat-triq li jippermetti ipparkeġġjar ta’ vetturi fuq iż-żewg naħat tat-triq. Dan għandu jwassal għal aktar spazji għal ipparkjar tal-vetturi u aktar sikurezza għal pubbliku li jiffrekwenta l-inħawi.
Il-Ministru Ninu Zammit qal li din il-fażi tal-proġett ghandha tintemm sa Ġunju. Minħabba li din iż-żona hija ferm popolari mal-pubbliku fis-Sajf, it-tielet fażi li tkun tinkludi bini mill-ġdid tal-promenade mill-bajja sal-knisja tax-Xemxija, se ssir wara ix-xhur tas-Sajf. Filwaqt li fakkar li l-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura wettaq xogħol fuq il-promenade tal-bajja ta’ San Tumas fis-sena 2004, jinsab għaddej ukoll b’ħidma fuq il-promenade tax-Xgħajra, liema xogħol għandu jintemm ukoll f’Ġunju. Intemm ukoll xogħol ta’ tiswija f’Wied iż-Żurrieq wara l-ħsarat li kkawża l-maltemp f’Novembru li għadda.
Filwaqt li faħħar l-impenn tal-ħaddiema sabiex jilħqu l-miri stabbiliti, kemm bħala spejjeż kif ukoll bħala timeframe, il-Ministru Ninu Zammit fakkar li fis-sena 2004, il-Kunsilli Lokali li ħadmu flimkien mal-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura ffrankaw bejniethom ’l fuq minn Lm80,000. Il-ftehim milħuq mal-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar jawgura tajjeb, sabiex Kunsilli Lokali oħra jsegwu dan l-eżempju u jaħdmu flimkien mal-Gvern għal ġid tar-residenti tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946