IL-GVERN IMPENJAT BIEX JITJIEB IL-LIVELL TA’ SEWQAN FIT-TOROQ
Il-Gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb il-livell ta’ sewqan fit-toroq bil-meżżi kollha possibbli.
Waqt li kien qiegħed iniedi s-16-il edizzjoni tal-Motor Fair fil-Fair Grounds tan-Naxxar, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li minbarra li jinċentiva l-bdil ta’ karozzi qodma b’oħrajn moderni mgħammrin b’sistemi teknoloġiċi li jnaqqsu r-riskju ta’ inċidenti tat-traffiku, l-Gvern ukoll qiegħed jimpenja ruħu bis-sħih biex jintlaħaq dan l-għan.
“Bħalissa qegħdin f’nofs it-terminu ta’ wieħed mill-akbar proġetti ta’ titjib ta’ toroq li qatt ra pajjiżna,” qal il-Ministru Mugliett.
“Għan ewlieni tal-programm estensiv ta’ ‘upgrading’ ta’ 16-il kilometru ta’ toroq arterjali u distributorji fiċ-ċentru ta’ Malta huwa proprju li tiżdied is-sigurtà fihom billi jiġi rranġat l-allinjament tagħhom, jitnaqqsu l-kurvaturi, jitwessgħu fejn hemm bżonn u jingħata tarmac li għandu aderenza akbar mat-tyres.”
“Meta jitlestew dawn it-toroq f’Ottubru ta’ din is-sena ser inkunu tellajna il-livell ta’ dawn l-10% mit-toroq arterjali u distributorji ta’ pajjiżna għall-ogħla standards fil-kostruzzjoni tat-toroq. Meta tgħodd dawn mas-sitt toroq prinċipali li ser nibnu mill-ġdid bil-finanzjament mill-Unjoni Ewropea u mat-toroq ewlenin li saru fl-aħħar ħames snin, tibda tara li n-network tagħna ftit ftit qed jinbidel f’wieħed li jixraq lil pajjiż modern u Ewropew.”
“Iżda mhux hekk biss. F’dan il-proċess qed noqgħodu b’seba’ għajnejn biex naraw li x-xogħol fit-toroq jitlesta fl-anqas żmien possibbli, li x-xogħlijiet ikunu mmarkati b’sinjali adegwati u anke li fejn ikun possibbli nipprovdu rotot alternattivi,” qal il-Ministru.
Il-Ministru Jesmond Mugliett spjega li anke r-riforma tas-sena l-oħra fit-testijiet tal-liċenzja tas-sewqan qed twassal biex tiżdied is-sigurtà fit-toroq.
Hu qal: “Għalkemm id-dħul fis-seħħ tat-test il-ġdid fl-1 ta’ Mejju 2004 ġab tnaqqis sostanzjali fil-persentaġġ ta’ kandidati li jpoġġu għal dan it-test, meta mqabbel ma’ dak ta’ qabel, ir-riżultat dirett ta’ dan it-titjib kien li fit-toroq issa għandna 2,227 sewwieq ġdid li għandhom għarfien u kapaċità ħafna ogħla.”
Miżura reċenti oħra li qed twassal għal titjib fis-sigurtà fit-toroq Maltin kienet l-estensjoni ta’ Vehicle Roadworthiness Test biex tiġi ttestjata l-kundizzjoni ġenerali tal-vettura u s-sistema tas-‘suspension’.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal ukoll li l-Gvern aktar tard din is-sena ser ikun qed jimbarka fuq sfidi ġodda bħal miżuri favur karozzi li jħammġu anqas l-ambjent, l-infurzar tal-istandards u regolamenti tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam u t-tiġdid tal-flotta ta’ vetturi kummerċjali b’vetturi aktar moderni. F’dan il-kuntest, il-Ministru Jesmond Mugliett appella lill-importaturi preżenti biex jibdew jesploraw b’aktar reqqa l-possibilità li jibdew joffru għas-suq vetturi environment friendly li jaħdmu bl-elettriku, vetturi hybrid u oħrajn li jaħdmu bi fuel alternattiv bħal gass GPL.
Il-Ministru żied jgħid li l-Gvern din is-sena se jvara proġett li jintegra t-trasport pubbliku aktar ma’ l-użu tal-karozza privata. “Il-proġett tal-Park and Ride fil-Furjana ser ikun l-ewwel wieħed f’pajjiżna li jgħaqqad it-trasport bil-karozza privata ma’ sistema ta’ shuttle service ċirkolari li ser titħaddem b’vetturi environment friendly,” qal il-Ministru. “Dawn l-inizjattivi kollha ser igħinu biex l-esperjenza ta’ sewqan fit-toroq tagħna issir waħda aktar pjaċevoli,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
Intant l-Awtorità Dwar it-Trasport din is-sena ser tkun qed tieħu parti f’din l-edizzjoni tal-Motor Fair. Din is-sena l-ADT ser tkun qed tuża l-popolarità ta’ din il-fiera biex tippromwovi u ssaħħaħ l-idea ta’ sigurta’ akbar fit-toroq tagħna. L-ADT flimkien mal-programm televiżiv PAQPAQ ser tkun qed torganizza kompetizzjoni b’numru ta’ mistoqsijiet dwar is-sewqan u sinjali tat-traffiku. Il-kompetizzjoni ser tkun qed issir f’format simili għal dak tat-test tat-teorija ġdid li l-ADT daħħlet is-sena l-oħra għal min japplika biex jikseb liċenzja tas-sewqan. Il-kompetituri ser jintalbu jirrispondu 15 –il mistoqsija u dik il-persuna li ġġib l-iżjed punti kull lejl tinghata pjanċa personalizzata ta’ 8 ittri jew numri tal-għażla tagħha.
Il-Motor Fair ser tkun miftuħa fit-Trade Fair Grounds fin-Naxxar mill-Erbgħa 30 ta’ Marzu sal-Ħadd 3 t’April.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946